Illejla f’Replay Preview se titħabbar l-ewwel statistika mistħarrġa tal-Kampjonat Premier s’issa

Replay Preview
Ritratt: Carl Farrugia

Hekk kif fit-tmiem il-ġimgħa, il-Kampjonat Premier f’Malta se jkun wieqaf, minħabba l-preparazzjoni tat-tim nazzjonali Malti għall tliet impenji li jmiss, il-programmi Replay fuq Net Television se jkunu qed jaħtfu l-opportunitá li jiddiskutu suġġetti u temi kurrenti u partikolari marbuta mal-futbol Malti. Fil-fatt, matul din it-tmiem il-ġimgħa, it-tliet programmi Replay, se jkunu qed jieħdu xejra partikolari u li tkompli tiddistingwijhom mill-bqija tal-programmi l-oħra tal-istess ġeneru fuq it-televiżjoni Maltija.

Ilejla, il-Ġimgħa, fid-9:30pm fuq Net TV se tixxandar edizzjoni oħra interessanti ta’ Replay Preview u b’mod mistħarreġ u riċerkat, waqt il-programm tal-lejla se tiġi ppreżentanta b’mod esklussiv, l-aħħar statistika informattiva u aġġornata dwar il-Kampjonat Premier wara seba’ ġranet ta’ partiti. Il-ħidma fuq dan ix-xogħol intensiv u li tant irid ħin u dedikazzjoni, saret minn Mario Debono, li f’dawn l-aħħar snin ħadem b’entużjażmu kbir biex ħareġ statistika ferm interessanti u utli dwar l-attwalitá tal-Kampjonati tal-futbol f’Malta. Ilejla Debono se jkun qed iħabbar għall-ewwel darba l-aħħar minn dawn l-istatistika permezz tal-programm Replay Preview fuq Net Television.  

Fost oħrajn, se naraw x’inhuma n-numri u l-perċentwali s’issa, tal-użu tal-plejers Maltin u barranin mill-klabbs tal-Kampjonat Premier, kif ukoll min hu dak il-klabb f’dan il-Kampjonat li qed jagħżel li jagħmel użu mill-Maltin, aktar milli mill-barranin. Mhux hekk biss. Hu fatt magħruf li f’Malta għadna nixfa ta’ plejers Maltin f’ċertu posizzjonijiet partikolari tal-pitch, u llejla, permezz ta’ din ir-riċerka, se naraw fl-liema posizzjonijiet tal-pitch l-aktar li qed jilgħabu l-Maltin fil-Kampjonat domestiku, u f’liema hemm lanqas rappreżentanza ta’ plejers Maltin. Insomma, din l-istatistika hi waħda interessanti għaliex twassal għall-ħolqien ta’ diskussjoni wiesgħa fuq aspetti differenti tal-futbol Malti u dan hu l-iskop aħħari tal-programm Replay.

Il-karriera ta’ Michael Mifsud ma’ Malta bin-numri

F’Replay Preview tal-lejla, se jkun hemm ukoll parenteżi dwar Michael Mifsud u t-tmiem tal-karriera tiegħu mat-tim nazzjonali hekk kif nhar l-Erbgħa li ġej, hu se jkun qed jilgħab l-aħħar partita tiegħu bil-flokk ta’ Malta. Dwar dan, Replay qed jipprepara servizzi speċjali li se jkunu mifruxa fuq diversi programmi, bl-ewwel wieħed se jkun fil-programm tal-lejla, fejn ġbarna statistika, numri u kurżitajiet interessanti dwar Mifsud kull darba li lagħab ma’ Malta.

Niltaqgħu mal-Kolombjan ta’ Santa Lucia li rebaħ l-unur tal-isbaħ gowl

Ilejla ukoll, se nkunu qed niltaqgħu mal-midfielder mill-Kolombja li jilgħab ma’ Santa Lucia, Kevin Ante Rosero li għadu kemm rebaħ l-unur ta’ ‘Tescoma l-isbaħ gowl ta’ Settembru’. Ikun hemm ukoll ħarsa għat-tieni l-ogħla Kampjonat f’Malta, in-National Challenge League.

‘X’Sar Minnhom?’ ma’ Vesco Petrovic

Mir-rubrika tant popolari, ‘X’Sar Minnhom?’ illejla se niltaqgħu ma’ plejer mill-passat, li m’huwiex Malti iżda llu 27 sena jgħix f’Malta wara li ġie f’pajjiżna biex jilgħab il-futbol għall-ewwel darba, f’Awwissu tal-1993; il-Montenegrin Vesco Petrovic.

Il-programm Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija jinħadem kollu kemm hu mir-restorant li jinsab fis-Saqqajja, Il-Veduta u għandu preżentazzjoni ta’ Christian Micallef, li jieħu ħsieb il-produzzjoni ta’ dan il-programm flimkien ma’ Stephen Chircop.

Dan it-tagħrif twassal mit-tim ta’ Replay.