“Ilbieraħ ommi, illum ħaddiem f’Bormla u għada min?” – bint Miriam Pace

Read in English.

Ivana Portelli, bint Miriam Pace, staqsiet min imissu jitlef ħajtu minħabba l-kostruzzjoni u l-iżvilupp bla rażan qabel ma l-awtoritajiet jieħdu passi serji biex jaċċertaw li dan ma jibqax iseħħ.

Miriam Pace ta’ 54 sena tilfet ħajjitha fit-2 ta’ Marzu meta nqabdet ġo darha fil-Ħamrun meta din iġġarrfet minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni li kien għaddej ħdejha. Ilbieraħ, ħaddiem ta’ 32 sena mill-Gambja miet meta waqa’ ħajt ġo sit tal-kostruzzjoni fejn kien qed jaħdem.

Il-każ ġara filgħodu, għall-ħabta tat-8am, fi Sqaq l-Erwieħ f’Bormla. Raġel ta’ 35 sena fil-Belt Valletta wkoll jinsab fil-periklu tal-mewt.

Portelli wriet simpatija mal-vittma u qrabatu f’kitba fuq Facebook, iżda qalet li mhijiex sorpriża b’din id-diżgrazzja, għaliex turi li ma nbidel xejn fl-aħħar xhur biex jinbidlu l-affarijiet. Anzi, qalet Portelli, żdiedet il-biża’ fil-Maltin li għad jiġrilhom xi ħaġa simili.

Hija stqarret li tixtieq li d-diżgrazzja li għaddiet minnha familtha sservi biex xi ħaġa hekk ma terġax tiġri. Tenniet mill-ġdid l-appell ta’ familtha għal inkjesta pubblika fuq dan il-każ. Temmet tgħid li “huwa ċar li hemm xi ħaġa ħażina fis-sistema u jrid isir proċess newtrali biex dawn in-nuqqasijiet jinstabu.”

“Ilbieraħ ommi, illum il-ħaddiem ġewwa Bormla u għada min?” staqsiet bint Miriam Pace.

B'dispjacir kbir nuri s-simpatija mal-vittma u l-qraba tieghu. Però sfortunatament mhux qed nhossni sorpriza li regghet…

Posted by Ivana Portelli on Thursday, July 23, 2020