Ilbieraħ ma sibniex każi ġodda tal-coronavirus – Fearne

Aġġornat 12:35 PM
Miguela Xuereb

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar fuq Twitter li matul il-jum tal-bieraħ ma nstabu l-ebda każi ġodda tal-coronavirus.

Fearne qal li dan kien minħabba li “qbadna t-triq it-tajba mill-bidu, ir-responsabbiltà u s-sagrifiċċji ta’ ħafna qed jagħtu l-frott.” Hu appella biex kulħadd jibqa’ moħħu hemm biex is-suċċess jibqa’ jitgawda.

Hu ma kkonfermax kemm saru swab tests matul il-jum.

Intant, fl-infografika tal-ġurnata maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa, kien spjegat li bl-istess mod li ma kienx hemm każi ġodda, ma kienx hemm persuni ġodda li fiqu mill-virus.

Matul il-jum tal-bieraħ saru 1,472 swab test biex b’hekk l-għadd totali minn meta feġġ il-virus tela’ għal 63,027. B’kollox s’issa fiqu total ta’ 485 persuni u hemm total ta’ 120 każ attiv.

OFFICIAL COVID-19 figures for 26•05•2020Chris Fearne | MaltaGov | Health Promotion and Disease Prevention Directorate | Covid19 Malta

Posted by saħħa on Tuesday, May 26, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn