Filmat: “Ilbieraħ ma kellix x’nitma’ lil uliedi” – omm

’Il fuq minn 1,500 familja fittxew għajnuna mill-parroċċi għall-ikel fl-aħħar ftit xhur, jgħid Albert Debono mill-Caritas

“Ma ninsa qatt, tidwi ġo widinti, il-kelma t’omm li qaltli ‘llum se jieklu t-tfal’, u jien għedtilha x’jiġifieri u tgħidlek ‘għax ilbieraħ ma stajtx nitmagħhom u ma kontx naf x’se nagħtihom illum’”.

Albert Debono, responsabbli mill-koordinament tal-Caritas mal-parroċċi rrakkonta r-realtà ħarxa ta’ omm li ma kellhiex x’titma’ lil uliedha f’intervista ma’ Sylvana Debono fuq 103 Malta’s Heart dwar il-kampanja Itma’ u Libbes. Din il-kampanja hi maħsuba biex jinġabru l-flus għal ikliet għal dawk fil-bżonn, kif ukoll biex jinġabru ħwejjeġ li għadhom f’kundizzjoni tajba u jistgħu jerġgħu jintużaw.

Mistoqsi dwar jekk il-faqar huwiex reali jew perċezzjoni, Debono stqarr li l-faqar m’għandux wiċċ u ssibu kullimkien. Saħaq li ghalkemm il-faqar ħafna drabi huwa moħbi, ma jfissirx li ma jeżistix. Żied jgħid li l-faqar huwa kkawżat minn diversi raġunijiet u m’eskludiex il-fatt li persuni li qed jesperjenzaw il-faqar jistgħu jagħmlu ħilithom biex joħorġu mill-kundizzjoni tagħhom u saħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni.

Iżda Debono qal li “fl-istess ħin ma nistgħux ma nammettux” li l-faqar huwa realtà hekk kif irrakkonta storja ta’ omm oħra li bagħtet lil uliedha jorqdu bla ma kienu kielu.

“Nisma kollega għażiża tiegħi tirrakkonta storja simili fejn mamà tat-tfal qaltilha ‘ilbieraħ filgħaxija raqqadthom ngħidilhom li l-ikel fuq in-nar, jgħiduli li bil-ġuħ u ngħidilhom iva l-ikel fuq in-nar, stennew ftit ieħor, ejja nilagħbu ftit ieħor, sakemm raqdu. Kont naf li m’hemm l-ebda ikel fuq in nar imma ma kellix il-guts ngħidilhom li m’għandix x’nitmagħkom’”.

Debono qal li din hija realtà li qed tolqot ħafna nies hekk kif kompla jgħid li aktar minn 1,500 familja fittxew għajnuna mill-parroċċi għall-ikel fl-aħħar ftit xhur.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2020 kien hemm 82,700 persuna f’riskju ta’ faqar filwaqt li 40,000 oħra qed jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena.

“Niftakru li kollha kemm aħna, mingħajr eċċezzjoni, għandna l-potenzjal fina li nkunu benefatturi ta’ xulxin u għandna r-realtà fina li nafu niġu bżonn inkunu benefiċjarji ta’ xulxin,” qal Debono.

Itma’ u Libbes hija inizjattiva tar-Randan 2021 organizzata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta permezz tal-Caritas Parish Diaconia Network, flimkien ma’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart. Il-kampanja hija maħsuba biex tgħin lil dawk kollha li għaddejjin minn żminijiet diffiċli, speċjalment waqt il-pandemija li laqtet lid-dinja kollha.

Il-kampanja se titmexxa b’mod innovattiv, totalment differenti mill-kampanji tradizzjonali ta’ ġbir ta’ fondi għall-ikel u l-ilbies, peress li d-dinjità ta’ dawk li se jirċievu l-għajnuna se tkun fic-ċentru tal-inizjattiva.

Tista’ tisma’ l-intervista kollha għada l-Erbgħa fil-5pm fuq Newsbook.com.mt waqt edizzjoni speċjali tal-programm Newsbook Q&A.

Il-pubbliku huwa mistieden jikkontribwixxi biex jiġu pprovduti vawċers għal ikliet ta’ kuljum għal dawk fil-bżonn.

L-ikliet ikunu msajra minn kokijiet professjonali u se jinkludu l-ingredjenti meħtieġa għal dieta sana.

Tista’ tgħin biex titma’:

  • Billi tagħti €11.65 u titma’ tifel għal ġimgħa (SMS 50619270)
  • Billi tagħti €20 u titma’ koppja anzjana għal 5 ijiem (ċempel fuq 51002037)
  • Billi tagħti €50 u titma’ familja ta’ 4 għal 3 ijiem (ċempel fuq  51902072

Tista’ tgħin biex tlibbes:

  • Ħu l-ħwejjeġ il-Parroċċa tal-Iklin bejn it-8 u l-14 ta’ Marzu f’ħin il-quddies
  • Ħu l-ħwejjeġ fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Kalkara bejn it-8 u l-14 ta’ Marzu bejn id-9am u l-11.30am
  • Ħu l-ħwejjeġ il-Knisja tal-Qrendi bejn il-15 u l-21 ta’ Marzu bejn il-5.30pm u s-7pm.
  • Ħu l-ħwejjeġ fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ fil-ħin tal-quddies.
  • Ħu l-ħwejjeġ fis-Sala San Ġwakkin Marsaskala t-Tlieta 16 ta’ Marzu bejn is-6.30pm u s-7.30pm, il-Ħamis 18 ta’ Marzu bejn is-6.30pm u s-7.30pm, u s-Sibt 20 ta’ Marzu bejn is-6pm u t-8pm.
  • Ħu l-ħwejjeġ fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi fil-ħin tal-quddies.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn

KUN MINN TAL-EWWEL LI TIRĊIEVI L-AĦĦAR AĦBARIJIET
Niżżel l-App ta' Newsbook