“Ilbieraħ erġajna kellimna lill-MGA; kienu konxji tal-każ f’April” – ġurnalista

L-artiklu jgħid li kumpaniji tal-gaming ibbażati f’Malta, wasslu biex il-pajjiż isir “speċi ta’ ATM għall-mafja Taljana”, minħabba nuqqas ta’ azzjoni mill-MGA.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, Anesi spjegat li fl-imejl staqsew lill-MGA għal aktar dettalji dwar il-każ, bl-MGA stess tgħid li f’April li għadda għamlet rapport mal-Pulizija. 
Fi kliemha, dan il-pass huwa prova li l-MGA kienet konxja li l-LB Group kienet għadha qed topera minn Malta, minkejja li ssospenditilha l-liċenzja. 
Għal din ir-raġuni, sostniet, li l-MGA mhix qed tagħmel dak kollu neċessarju sabiex kumpaniji tat-tip jiġu mwaqqfa mill-operat tagħhom.
Fl-istorja, Anesi flimkien ma’ Matteo Calvini, irrappurtat li l-Qorti u l-awtoritajiet Taljani huma mħassba għan-nuqqas ta’ azzjoni u infurzar tar-regoli min-naħa tal-MGA.
Waqt l-intervista ma’ Fr Joe Borg u Manuel Delia, il-ġurnalista spjegat li minkejja li tifhem li ċertu infurzar tal-liġi għandu jkun ġej mill-Pulizija, sostniet li hemm bżonn kbir li l-MGA tibqa’ tissielet biex tassigura li l-operat jitwaqqaf immedjatament.
Hi spjegat kif meta kkuntattjaw lill-MGA l-ewwel darba, staqsew kif minkejja li xahar ilu l-MGA ssospendiet il-liċenzja ta’ LB Group, kumpanija b’konnessjonijiet mafjużi, l-operat tiegħu baqa’ għaddej bla xkiel mill-uffiċini fil-Gżira.
Anesi sostniet li l-MGA kienet wieġbet lura tinsisti li din kienet gidba, u evitat li twieġeb il-mistoqsija. 
"Mhux veru ma ġibniex x'qalet l-MGA dwar "li ġabet Malta ATM tal-mafja" – ġurnalista
Kompliet tispjega kif partijiet mill-pożizzjoni tal-MGA ġew ippubblikati fl-artiklu investigattiv tal-IRPI.
Hi sostniet li minkejja dan, il-ġurnalisti ġeneralment qatt ma jippubblikaw kulma jingħad fi stqarrija, kelma b’kelma, iżda jittieħdu partijiet li jagħmlu sens fil-kuntest tal-artiklu.