“Ilbes diċenti fit-triq” – BAG

Wieħed mill-appelli tal-Biking Advocacy Group liċ-ċiklisti li jaqdfu fit-toroq waqt il-mewġa tas-sħana, hu li jilbsu ħafif imma diċenti u li jevitaw ix-xemx ta’ nofsinhar.
L-organizzazzjoni mhux governattiva BAG qed tappella liċ-ċiklisti biex jixorbu d-doppju tas-soltu u jevitaw li jsuqu r-rota fl-eqqel tax-xemx.
Bi tħejjija għall-mewġa ta’ sħana, wissiet li jekk persuna tħoss l-għatx, ikun ifisser li diġà hi dehydrated. Qalet li ġġorr fliexkun ilma miegħek mhix xi ħaġa li jagħmlu ċ-ċiklisti fil-LifeCycle jew it-Tour de France biss.
Titlob iċ-ċiklisti jaħsbu f’rotot differenti li jgħadduhom minn toroq urbani li jkunu mdellija kmieni filgħodu u tard waranofsinhar.
L-għaqda taċ-ċiklisti tappellalhom ukoll biex ma jġorrux basktijiet fuq darhom imma jgħabbu r-rota.
U biex iċ-ċiklisti jżommu moħħhom frisk, l-għaqda tappella biex dak li jkun idawwar bandana mxarrba ma’ rasu taħt il-helmet u jieħu ħsieb iżomm il-helmet nadifa wkoll.