Il-wirt tal-Kunsill Laburista ta’ San Pawl il-Baħar huwa d-dejn – David Agius

Hija verament ħasra li l-uniku ħaġa li ħalla warajh il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar immexxi mill-Partit Laburista huwa dejn kbir li se jkollu jagħmel tajjeb il-Kunsill ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista.
Hekk sostna l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali David Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-kunsillieri tal-partit f’San Pawl il-Baħar.
Agius qal li l-Partit Laburista ħalla dejn li jlaħħaq in-nofs miljun ewro.
Is-Sindku Graziella Galea spjegat li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, l-Kunsill Lokali Laburista għamel spejjeż ta’ darba u nofs tal-allokazzjoni li l-Kunsill Lokali jingħata mill-Gvern.
Semmiet ukoll li l-Kunsill Lokali għadu ma rċeviex il-kontijiet kollha ta’ xogħlijiet li setgħu saru qabel l-elezzjoni ta’ April.
Spjegat li b’din is-sitwazzjoni finanzjarja, il-Kunsill se jkollu ntoppi mhux żgħar biex jaħdem għall-ġid tal-komunità. 
Il-kelliem għall-Kunsilli Lokali David Agius insista li l-Gvern mhux jalloka biżżejjed fondi għall-kunsilli tant li bosta qed jilmentaw li m’għandhomx flus biex iwettqu l-ħidma bażika ta’ kuljum.
Hu rrefera għall-eks Sindku Laburista ta’ Ħal Tarxien, li rriżenja mill-kariga minħabba l-fatt li ma kellux flus biżżejjed.
David Agius irrefera wkoll għad-dibattitu Parlamentari li għaddej bħalissa dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jħassar l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-2017.
Qal li din mhix aċċettabli, speċjalment meta wieħed iżomm f’moħħu li kif irid il-Gvern, Kunsill Lokali se jkun qed jagħmel terminu ta’ 6 snin.