Il-wirt intanġibbli Malti jista’ jiġi rikonoxxut mill-UNESCO

Daħlet fis-seħħ strateġija sabiex il-wirt intanġibbli nazzjonali Malti jitpoġġa fuq il-mappa tal-wirt intanġibbli tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Maqgħuda għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO).
Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Kultura sabiex Malta tiżdied mal-lista tal-wirt intanġibbli dinji fejn jidħol wirt bħal elementi gastronomiċi, mużika, żfin u snajja’ fost oħrajn.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li fl-aħħar jiem kien hawn f’Malta Marina Calvo Perez min-naħa tal-UNESCO, li tkellmet mad-Direttorat tal-Kultura dwar il-proċess tal-applikazzjonijiet u l-ħolqien ta’ inventarju nazzjonali.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li l-wirt intanġibbli jagħti lill-poplu Malti l-identità ta’ nazzjon u għalhekk qed jaħdem sabiex jingħata aktar importanza.