Il-WHO twissi liż-żgħażagħ li jattendu parties biex ‘ma jinsewx li l-COVID-19 għadha fostna’

Unsplash

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħarġet dikjarazzjoni li f’ċerti pajjiżi ż-żieda fl-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda ta’ coronavirus tista’ tiġi attribwita għal nuqqas ta’ attenzjoni minn żgħażagħ li qed jittraskuraw il-linji gwida tas-saħħa biex igawdu l-vaganzi tas-sajf.

Żieda ġdida fil-każijiet f’diversi partijiet madwar l-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Asja sostniet il-biża’ ta’ mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet ta’ CoVid-19, u wasslet biex ċerti pajjiżi jimponu restrizzjonijiet ġodda fuq l-ivjaġġar.

“Diġà għidna dan, u se nerġgħu nirrepetu l-messaġġ li ż-żgħażagħ huma vulnerabbli ukoll,” qal id-Direttur Ġenerali tad-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus, meta tkellem matul konferenza stampa f’Ġinevra.

L-evidenza turi li żidiet riċenti fil-każijiet f’ċerti pajjiżi qed “tiġi kkawżata parzjalment minn żgħażagħ li qed jirrilassaw l-imġieba tagħhom matul ix-xhur tas-sajf fl-emisfera tat-tramuntana,” żied jgħid.

Il-mexxej tar-reġjun ta’ Catalonia, fil-grigal ta’ Spanja, nhar it-Tnejn wissa liż-żgħażagħ biex ma jibqgħux jattendu parties sabiex tiġi kkontrollata ż-żieda fil-każijiet ġodda, inkella l-awtoritajiet lokali jista’ jkollhom jerġgħu jimponu restrizzjonijiet ħarxa.

Ir-Renju Unit u diversi pajjiżi oħra Ewropej stabbilixxew restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar lejn Spanja.

Maria Van Kerkhove, epidemjoloġista ewlenija tad-WHO, tkellmet matul l-istess konferenza u qalet li n-nightclubs kienu “qed jamplifikaw it-trasmissjoni.”

“Il-maġġor parti ta’ żgħażagħ li jimirdu bil-Covid-19 ġeneralment ikollhom sintomi aktar ħfief. Imma dan mhux dejjem il-każ,” qalet Van Kerkhove.

Dan ix-xahar, id-WHO ħeġġet lil vjaġġaturi biex jilbsu l-maskli fuq l-ajruplani u jżommu ruħhom infurmati hekk kif il-każijiet tal-COVID-19 qed jerġgħu jiżdiedu f’ċerti pajjiżi.

F’Ġunju, id-WHO qalet li kienet se taġġorna l-linji gwida tal-ivjaġġar tagħha qabel il-vaganzi tas-sajf tal-emisfera tat-tramuntana, imma għadha ma għamlitx dan.

Il-gwida preċedenti tagħha għal vjaġġaturi kienet tinkludi pariri ġenerali li jistgħu jiġu applikati għal sitwazzjonijiet oħra bħal distanza soċjali, ħasil tal-idejn u li n-nies għandhom jevitaw li jmissu għajnejhom, imneħirhom jew ħalqhom.