Il-WHO twissi li l-virus Zika jista’ jolqot 4 miljun ruħ

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) laqqgħet il-kumitat t’urġenza minħabba l-firxa tal-virus Zika.
Id-Direttur Ġenerali tal-organizzazzjoni saħqet li huma mħassba dwar il-fatt li s’issa l-virus infirex fi 23 pajjiż fil-kontinent Amerikan waħdu u li dan mistenni jwassal għal bejn 3 miljun u 4 miljun każ.
It-twissija tibqa’ fis-seħħ biex dak li jkun joqgħod attent, speċjalment għal nisa tqal minħabba li nstabet rabta bejn min jimrad b’dan il-virus u trabi li jitwieldu b’ras iżgħar milli suppost. 
Iktar kmieni llum ħareġ li l-virus ġie rrappurtat f'pazjenti f'mill-inqas tliet pajjiżi Ewropej imma li f'kull każ, il-persuna kienet irritornat mill-Amerika Latina.