Il-WHO tirrapporta l-akbar għadd ta’ każijiet ta’ coronavirus f’jum wieħed

Il-każijiet joqorbu l-5 miljuni

REUTERS/Denis Balibouse

Read in English.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) nhar l-Erbgħa esprimiet it-tħassib tagħha dwar in-numru dejjem jiżdied ta’ każijiet ta’ coronavirus ġodda f’pajjiżi foqra, ukoll jekk ħafna pajjiżi sinjuri bdew ħerġin mill-lockdown.

Il-WHO qalet li fl-aħħar 24 siegħa kienu reġistrati 106,000 każ ġdid ta’ infezzjonijiet ta’ coronavirus, l-ogħla ammont li qatt kien reġistrat f’ġurnata waħda minn meta bdiet il-pandemija.

“Għad għandna triq twila x’nimxu f’din il-pandemija,” qal id-direttur ġenerali tal-WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus waqt konferenza tal-aħbarijiet. “Imħassbin ħafna dwar il-każijiet li qed jiżdiedu f’pajjiżi bi dħul baxx u medju.” 

Dr Mike Ryan, kap tal-programm ta’ emerġenzi tal-WHO qal “dalwaqt se nilħqu l-punt traġiku ta’ 5 miljun każ.” 

Il-WHO sfat attakkata mill-President tal-Istati Uniti Donald Trump, li akkużaha li ma mmaniġġjatx il-pandemija sew u li ffavorixxiet liċ-Ċina, fejn huwa maħsub li beda l-virus. Din il-ġimgħa Trump hedded li jirtira mill-WHO u li se jwaqqaf il-fondi b’mod permanenti. 

Tedros irrikonoxxa li rċieva ittra mingħand Trump, iżda rrifjuta li jikkummenta aktar.

Tedros qal li kien impenjat li jagħti rendikont u li kien se jagħmel reviżjoni dwar ir-rispons għall-pandemija. Tali reviżjoni intalbet mill-istati membri f’riżoluzzjoni li tressqet din il-ġimgħa u li għaddiet b’kunsens, għalkemm l-Istati Uniti esprimew riżervi dwar xi elementi minnha. 

“Għidt kemm-il darba li l-WHO temmen fil-kontabilità iktar minn kulħadd. Din ir-reviżjoni għandha ssir u meta ssir, din trid tkun waħda komprensiva,” qal Tedros filwaqt li naqas milli jgħid meta se tibda.

Ryan qal li dawn il-valutazzjonijiet normalment isiru wara li tkun spiċċat emerġenza. 

“Jiena wieħed minn dawk li bħalissa nippreferi nikkonċentra fuq ix-xogħol ta’ rispons ta’ emerġenza, ta’ kontroll tal-epidemija, li niżviluppaw u nqassmu l-vaċċini, li ntejjbu s-sorveljanza tagħna, li nsalvaw il-ħajjiet u li nqassmu l-apparat essenzjali lill-ħaddiema u li nsibu l-ossiġenu mediku għal kull min qed jgħix f’ambjenti fraġli, u biex innaqqsu l-impatt ta’ din il-marda fuq refuġjati u l-migranti,” kompla jgħid.

WHO qed tirrapporta ħafna każijiet ta’ coronavirus kuljum tant li l-każijiet resqu qrib il-ħames miljuni

Tedros qal li ilu jfittex sorsi oħra ta’ finanzjament għall-WHO, u qal li l-baġit tagħha ta’ $2.3 biljun huwa “ferm żgħir” għal aġenzija globali – bħal sptar ta’ daqs medju fid-dinja żviluppata.

F’kummenti li jistgħu ikomplu jdejjqu lil Trump, Ryan kompla jgħid li n-nies għanda tevitaw li tuża l-mediċina kontra l-malarja hydroxychloroquine biex jikkuraw jew jipprevjenu l-infezzjoni tal-coronavirus, ħlief bħala parti minn prova klinika sabiex ikun studjat il-virus.

Trump qal li qed jieħu l-hydroxychloroquine biex jipprevjeni l-infezzjoni tal-coronavirus.

Il-WHO tirrapporta l-akbar għadd ta’ każijiet ta’ coronavirus f’jum wieħed hekk kif il-każijiet joqorbu l-5 miljuni”F’dan l-istadju, la l-hydroxychloroquine u lanqas il-chloroquine ma nstabu li huma effettivi fit-trattament ta’ COVID-19 u lanqas fil-profilassi kontra li toħroġ din il-marda,” qal Ryan. “Fil-fatt, bil-maqlub, fejn inħarġu twissijiet minn bosta awtoritajiet rigward l-effetti sekondarji li jista’ jkollha din il-mediċina.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn