Il-WHO tirrapporta l-ikbar żieda ta’ każijiet ġodda f’jum wieħed

Read in English.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-Ħadd li għadda, rrappurtat żieda rekord fil-każijiet ta’ coronavirus madwar id-dinja bit-total jitla’ għal 183,020 f’temp ta’ 24 siegħa.

L-akbar żieda kienet fl-Amerika ta’ Fuq u l-Amerika t’Isfel b’iżjed minn 116,000 każ ġdid skond rapport li jinħareġ kuljum. It-total ta’ każijiet globali huwa ta’ ‘l fuq minn 8.7 miljun b’iżjed minn 461,000 mewta,skond WHO.

Ir-rekord ta’ qabel għal każijiet ġodda kien ta’ 181,232 nhar it-18 ta’ Ġunju.

Fil-frattemp, ir-rata ta’ riproduzzjoni tal-coronavirus fil-Ġermanja ta’ 1.79, f’ġurnata qabżet għal 2.88, u skond l-awtoritajiet tas-saħħa, din ir-rata ta’ infezzjonijiet hija ‘l fuq mill-livell ta’ dak li għandu jkun sabiex l-imxija tkun kontrollata għal żmien fit-tul. Din iż-żieda kapaċi twassal għall-possibiltà ta’ restrizzjonijiet ġodda fuq l-attività fl-akbar ekonomija fl-Ewropa – daqqa ta’ ħarta lill-pajjiż li s’issa kien irnexxielu jikseb suċċess fil-ħidma tiegħu li jikkontrolla l-imxija tal-coronavirus u jżomm ir-rata ta’ mwiet relattivament baxxa.

Sabiex din il-pandemija tinżamm taħt kontroll, il-Ġermanja trid tiżgura li r-rata ta’ riproduzzjoni taqa’ taħt il-1. Ir-rata ta’ 2.88, ippubblikata mill-Istitut tas-Saħħa Pubblika Robert Koch tfisser li minn 100 persuna li tkun infettata, 288 persuna oħra se jkunu infettati.

Il-Kanċillier Angela Merkel kienet esprimiet ruħha favur li l-miżuri ta’ lockdown jinżammu għal żmien itwal iżda r-restrizzjonijiet bdew jitneħħew bil-mod matul dawn l-aħħar ġimgħat wara pressjoni mill-politiċi reġjonali sabiex l-ekonomija terġa’ tingħata spinta.

Il-pajjiż diġa qed jissielet biex in-nies jagħrfu jżommu mar-regolamenti ta’ iżolament f’postijiet fejn dawn ir-regolamenti mhumiex infurzati. Matul tmiem il-ġimgħa, l-awtoritajiet f’Goettingen kellhom isejjħu l-pulizija biex in-nies iżżomm mal-miżuri ta’ kwarantina.