Il-WHO tirrakkomanda li jintlibsu maskri tad-drapp f’postijiet pubbliċi

REUTERS/Sergio Perez

Read in English.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa aġġornat il-linji gwida tagħha lbieraħ billi issa qiegħda titlob lill-gvernijiet biex jitolbu lill-pubbliku sabiex jintlibsu l-maskri f’postijiet pubbliċi fejn ikun hemm riskju għoli li jinxtered il-coronavirus.

Skont riċerka li għamlet il-WHO fil-ġimgħat li għaddew, il-maskri waħedhom mhumiex se jipproteġu lin-nies mill-imxija tal-virus, imma nstabet evidenza li jekk dawn jintlibsu sew, jistgħu jservu ta’ ostaklu bejn il-qtar infettiv li bih jinxtered il-virus u l-persuna inkwistjoni.

Il-WHO qed tirrakkomanda li l-maskri li jintlibsu jkunu tad-drapp, u mhux dawk mediċi.

Filwaqt li xi pajjiżi rrakkomandaw l-użu tal-maskri fil-pubbliku, il-WHO kienet qalet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza għal jew kontra l-użu tal-maskri għal nies f’saħħithom fil-komunità. Il-WHO kienet dejjem tal-fehma li l-maskri mediċi għandhom jintlibsu minn nies li jkunu ma jifilħux jew dawk li jkunu qed jieħdu ħsiebhom.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn