It-tfal bil-coronavirus jistgħu jiżviluppaw infjammazzjoni – Il-WHO

FILE PHOTO:REUTERS/Denis Balibouse

Il-“parti l-kbira” tat-tfal li għandhom il-coroanvirus għandhom forma ħafifa u jirkupraw minnha kompletament, imma numru żgħir f’xi pajjiżi qed jiżviluppaw sindromu infjammatorju rari, iddikjarat nhar l-Erbgħa l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). 

Esperti mediċi Taljani u Brittanniċi qed jinvestigaw il-possibilità ta’ rabta bejn il-pandemija tal-coronavirus u każijiet konċentrati ta’ marda infjammatorja gravi fi tfal żgħar il qed jiddaħħlu l-isptar b’deni għoli u b’arterji minfuħa.

Tlett itfal mill-Istati Uniti infettati bil-virus qed jiġu trattati għal sindromu infjammatorju rari li jidher simili għal wieħed li qajjem tħassib fl-Ingilterra, l-Italja u Spanja, skont speċjalista li qed jittrattahom li tkellem ma’ Reuters nhar it-Tlieta.

“Nixtieq nenfasizza, għall-ġenituri kollha li qed isegwu, li l-maġġoranza kbira tat-tfal li jimirdu bil-coronavirus se jkollhom sintomi ħfief u jgħaddilhom kompletament,” qal Dr Mike Ryan, l-espert ewlieni fl-emerġenzi tal-WHO, matul konferenza tal-aħbarijiet virtwali nhar l-Erbgħa.

Ryan irrifjuta li jikkummenta dwar rapporti li l-mediċina antivirali Remdesivir ta’ Gilead Science tista’ tintuża fit-trattament tal-marda COVID-19, u qal li hija meħtieġa aktar data minn testijiet kliniċi li diġà qed isiru. 

“Imma aħna għandna fiduċja li din il-mediċina, u oħrajn, jistgħu jirriżultaw ta’ għajnuna fit-trattament tal-COVID-19,” kompla jgħid. 

Aktar minn 3.11 miljun persuna ġew ikkonfermati li kienu infettati bil-coronavirus madwar id-dinja, u aktar minn 216,000 tilfu ħajjithom, skont ċifri maħruġa minn Reuters nhar l-Erbgħa.

TOBBA MWISSIJA JOQGĦODU ATTENTI

S’issa, jidher li t-tfal ma ġewx affettwati mill-kumplikazzjonijiet aktar serji tal-COVID-19, li laqtet ħażin lill-adulti aktar anzjani u persuni morda b’kundizzjonijiet kroniċi.

In-netwerk kliniku tal-WHO iddiskuta r-rapport mill-Ingilterra dwar numru żgħir ta’ tfal li qed juru ċerti sintomi infjammatorji, spjegat Dr. Maria van Kerkhove, epidemjoloġista tal-WHO.

“Hemm ċerti deskrizzjonijiet rari reċenti ta’ tfal f’ċerti pajjiżi Ewropej li ħarġilhom dan is-sindromu infjammatorju, li huwa simili għas-sindromu Kawasaki, imma jidher li huwa rari ħafna,” qalet it-tabiba.

“Tlabna lin-netwerk globali ta’ tobba u persunal mediku biex josservaw dan il-fattur sabiex jiġbru informazzjoni b’mod sistematiku, biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar dak li qed jiġri u niggwidaw it-trattament.”

Meta kien mistoqsi dwar l-istrateġija tal-Iżvezja, il-pajjiż li rrifjuta li jimplimenta lockdowns u fejn bosta skejjel u negozji baqgħu miftuħa, Ryan qal: “Jekk jirnexxielna nilħqu ‘normalità ġdida’, f’diversi modi l-Iżvezja tirrapreżenta mudell li għandna nsegwu għall-futur.”

“Dak li dan il-pajjiż għamel b’mod differenti huwa li tassew kien hemm fiduċja li l-komunitajiet tiegħu kienu tassew se josservaw id-distanza fiżika,” qal, filwaqt li żied jgħid li l-Iżvezja kienet implimentat “politika tas-saħħa pubblika tassew b’saħħitha”. 

Id-Direttur Ġenerali tal-WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus iddefenda l-istrateġija tal-aġenzija fl-azzjoni li ħadet kontra l-pandemija minn meta l-virus ġdid tfaċċa għall-ewwel darba fi tmiem is-sena l-oħra fil-belt ta’ Wuhan fiċ-ċentru taċ-Ċina.

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Magħquda bbażata f’Ġinevra ġiet ikkritikata ħafna f’dawn l-aħħar ġimgħat, speċjalment mid-donatur ewlieni tagħha, l-Istati Uniti, li waqqfet kull finanzjament lill-organizzazzjoni.

Tedros ippreżenta skeda tal-informazzjoni li kellha l-aġenzija matul iż-żmien sakemm waslet biex tiddikjara l-marda tal-COVID-19 bħala emerġenza globali fit-30 ta’ Jannar.

“Sa mill-bidu, idlWHO aġixxiet malajr u b’mod deċiżiv biex tindirizza s-sitwazzjoni u twissi lid-dinja,” qal id-Direttur. “Wissejna lil kulħadd kmieni, u ħriġna twissijiet spissi.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn