Il-WHO tgħid li qatt ma ssuġġeriet it-twaqqif tal-konsum tal-bacon

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tinsisti li bir-rapport li ħarġet dwar il-laħam ipproċessat, mhix qed twissi lil dak li jkun biex jieqaf jiekol il-bacon imma sempliċement qed tikkonferma rapport ta’ 13-il sena ilu.
Hu mifhum li raħħala u l-industrija tal-laħam madwar id-dinja, irreaġixxew b’mod qawwi wara li r-rapport poġġa prodotti tal-laħam ipproċessat fil-livell ta’ sigaretti u prodotti oħra li jikkaġunaw il-kanċer.
Skont l-esperti li wettqu l-istudju, jekk wieħed jiekol 50 gramma kuljum ta’ laħam ipproċessat, iżid bi 18% il-possibiltà ta’ kanċer fl-imsaren.
Madankollu, issa, kelliem għall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa pprova jikkalma l-paniku li jidher li nqala’ f’ħafna partijiet tad-dinja, u sostna li r-rapport jikkonferma biss riċerka li kienet saret fl-2002.
Il-kelliem tenna li l-organizzazzjoni qed tagħti l-istess parir tal-2002, biex dak li jkun jimmodera l-konsum tal-laħam ipproċessat, mhux li jwaqqfu kompletament, jekk irid inaqqas mill-possibiltà ta’ kanċer fl-imsaren.
Sadattant, wara r-reazzjoni qawwija fuq l-internet wara l-aħbar tal-aħħar jiem, u reazzjoni iktar mansa għal rapport simili dwar il-kafè, fuq l-internet reġgħu tfaċċaw rapporti tal-2002 dwar studji oħra minn entitajiet internazzjonali tas-saħħa.
Fost l-oħrajn, tfaċċa rapport li jorbot il-konsum ta’ ċertu ħaxix u frott mal-kanċer…dejjem jekk dawn ikunu mkabbra bl-użu ta’ ċertu kimika u bexx.
Skont ir-riċerkaturi tal-Università ta’ Glasgow, dan il-bexx qed jikkawża kanċer fil-kanal tal-ikel, u fir-Renju Unit waħdu hu responsabbli għall-mewt ta’ 3,000 persuna fis-sena.