Il-WHO tgħid li l-pandemija għadha m’għaddietx

REUTERS/Denis Balibouse/File Photo

Read in English.

Il-każijiet ġodda ta’ coronavirus raw l-ikbar żieda tagħhom f’jum wieħed hekk kif il-pandemija kompliet tiħrax madwar id-dinja kollha u dan meta fl-Amerika Ċentrali din il-marda għad trid tilħaq l-eqqel tagħha, skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) meta nhar it-Tnejn li għaddew, ħeġġet lill-pajjiżi biex ikomplu jirsistu biex jikkontrollaw il-virus.

“Għalkemm għaddew sitt xhur minn meta faqqgħet din il-pandemija, dan mhuwiex iż-żmien li nnaqqsu mill-isforzi tagħna,” qal id-Direttur Ġenerali tal-WHO, Tedros Adhanom Ghebreyesus waqt briefing li sar online.

Huwa qal li l-Ħadd li għadda kienu rrappurtati iżjed minn 136,000 każ ġdid mad-dinja kollha, l-ogħla rata f’ġurnata waħda s’issa. Kważi 75% minnhom kienu rrappurtati minn 10 pajjiżi, l-aktar fl-Amerika u l-Asja t’Isfel. 

Mistoqsi dwar iċ-Ċina, l-ogħla espert ta’ l-emerġenzi ta’ WHO, Dr Mike Ryan, qal li studji retrospettivi ta’ kif ġiet indirizzata l-pandemija, għalissa jistgħu jistennew għax fi kliemu, “hemm bżonn niffukaw fuq bħalissa, u fuq dak li qed nagħmlu llum biex nevitaw it-tieni quċċata.”

Ryan qal ukoll li l-infezzjonijiet fil-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali inkluż il-Gwatemala għadhom qed jiżdiedu, u li kienu epidemiji “kumplessi”. 

“Naħseb li dan huwa żmien ta’ tħassib kbir,” kompla jgħid Ryan filwaqt li talab għal tmexxija soda mill-gvernijiet u għall-appoġġ internazzjonali għar-reġjun. Il-Brażil issa sar wieħed mill-hotspots tal-pandemija, bit-tieni l-ogħla numru ta’ każijiet ikkonfermati, wara l-Istati Uniti, fejn l-imwiet, il-ġimgħa li għaddiet qabżu lill-Italja. 

Wara li tneħħew ċifri kumulattivi ta’ l-għadd ta’ mwiet bil-coronavirus fil-Brażil minn fuq websajt nazzjonali, il-Ministeru tas-Saħħa kompla joħloq iżjed konfużjoni u kontroversja wara li ħabbar żewġ settijiet ta’ ċifri kontradittorji għall-aħħar ġabra ta’ każijiet ta’ infezzjoni u fatalitajiet.

Ryan qal li d-data tal-Brażil, s’issa kienet qed tkun dejjem “estremament dettaljata” u saħaq li kien importanti għall-Brażiljani li jifhmu fejn hu l-virus u kif jimmaniġġjaw ir-riskji. Minn naħa tagħha, WHO ttamat li l-komunikazzjoni tkun “konsistenti u trasparenti”. 

Maria van Kerkhove, epidemjologa tal-WHO, qalet li għandu jkun hemm “approċ komprensiv” fl-Amerika t’Isfel. 

Aktar minn 7 miljun persuna ġew irrappurtati infettati bil-koronavirus globalment u aktar minn 400,000 mietu.

“Għadna ‘l bogħod milli ngħidu li għadda kollox,” qalet Kerkhove.

Mill-inqas nofs il-każijiet ta’ coronavirus li għadhom kemm instabu f’Singapore ma juru l-ebda sintomi, qal il-kap tal-grupp ta’ ħidma kontra l-virus tal-gvern nhar it-Tnejn, fatt li kompla jsaħħaħ id-deċiżjoni ta’ l-istat li jtaffi r-restrizzjonijiet ta’ lockdown b’mod gradwali ħafna.

Van Kerkhove qalet li ħafna pajjiżi li kienu qed iwettqu l-contact tracing qed identifikaw każijiet bla sintomi iżda ma sabux li dawn qed ikomplu jxerrdu l-virus, filwaqt li żiedet tgħid: “Huwa rari ħafna”.

Mistoqsi dwar il-koperazzjoni teknika mal-Istati Uniti wara l-aħbar li l-President Donald Trump għaxart ijiem ilu kien ħabbar li se jtemm ir-relazzjoni tal-pajjiż mal-WHO, Dr Mike Ryan qal li WHO tiddependi ħafna fuq esperti miċ-Ċentri ta’ l-Istati Uniti għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard u mill-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa.

“Se nkomplu nagħmlu dan sakemm inkunu istruwiti jew infurmati mod ieħor,” żied jgħid.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn