Il-WHO tappella l-Ewropa biex tieħu azzjoni rapida kontra l-Coronavirus

Nhar it-Tnejn, uffiċjal tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa qal li l-Ewropa għandha bżonn li “tħaffef serjament” il-ġlieda tagħha kontra l-coronavirus. Huwa qal ukoll li n-nuqqas ta’ kapaċità għall-intraċċar tal-kuntatti jista’ jwassal biex il-marda tinfirex f’postijiet fejn diffiċli tintlaħaq.

Fl-Ewropa s-sitwazzjoni hija waħda gravi hekk kif numru ta’ pajjiżi qed jirrapportaw żidiet rekord fil-każijiet, bi Franza fl-ewwel post b’aktar minn 50,000 każ f’jum wieħed irrappurtati għall-ewwel darba nhar il-Ħadd, filwaqt li l-kontinent qabeż l-għadd ta’ 250,000 mewta.

Dan ir-reġjun vast, li jinkludi 46 pajjiż fid-WHO, jammonta għal 46% tal-każijiet globali u madwar terz tal-imwiet, qal Mike Ryan, l-espert ewlieni dwar l-emerġenzi mad-WHO.

“Bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-virus għandu pass aktar mgħaġġel minna fl-Ewropa, għalhekk huwa importanti i ngħaġġlu l-pass tagħna f’dak li qed nagħmlu sabiex jirnexxielna nlaħħqu,” qal Ryan matul konferenza stampa.

Il-kapaċità klinika li nieħdu ħsieb il-pazjenti li jinsabu fl-isptar minħabba l-COVID-19 żdiedet fir-reġjun Ewropew, u r-rati tal-imwiet “huma tassew baxxi”, qal Ryan waqt li faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema tas-saħħa u s-sistemi mediċi.

“Madankollu qed naraw żieda kbira fil-każijiet, qed naraw il-virus jinfirex b’rata mgħaġġla, qed naraw ukoll rati tassew għoljin ta’ każi pożittivi u nuqqas dejjem akbar fil-kapaċità li nwettqu ntraċċar tal-kuntatti b’mod effettiv, u dan qed ikompli jitfa’ lill-virus f’postijiet fejn se jkun dejjem aktar diffiċli li nilħqu,” temm jgħid.