Il-WHO tagħżel ritratt ta’ infermiera Maltin għall-Jum Dinji tal-Infermiera u l-Qwiebel

Ritratt ta’ żewġ infermiera Maltin jagħtu sapport lil xulxin fl-eqqel tal-pandemija tal-coronavirus f’Malta ntgħażel mill-fergħa Ewropea tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għall-promozzjoni tal-Jum Dinji tal-Infermiera u l-Qwiebel.

Ilbieraħ kien il-Jum Dinji tal-Qwiebel, u fit-12 ta’ Mejju jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Infermiera. Dan ir-ritratt għandu jintuża mill-fergħa Ewropea tal-WHO għal dan il-għan ukoll. Din is-sena taħbat is-sena ddedikata lill-infermiera u l-qwiebel ukoll.

Kienu bosta l-infermiera u l-ħaddiema tas-saħħa Maltin li xerrdu dan ir-ritratt b’sens ta’ kuraġġ lil xulxin.

Meta r-ritratt ġie ppubblikat f’April li għadda, minn infermiera li stqarret li ttieħed f’mument ta’ tensjoni fuq ix-xogħol meta l-każijiet tal-coronavirus kienu qegħdin jiżdiedu, ħafna Maltin xerrduh sabiex jirringrazzjaw lill-ħaddiema tas-saħħa li qegħdin fuq quddiem fil-ġlieda f’din il-battalja kontra l-virus qerriedi.

https://www.facebook.com/photo?fbid=3142538175790419&set=a.396804503697147

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn