Il-WHO se tirrikonoxxi l-użu eċċessiv tal-gaming bħala kundizzjoni mentali

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) se tkun qed tirrikonoxxi l-użu eċċessiv tal-gaming bħala kundizzjoni mentali tas-saħħa għal dis-sena.
L-għaqda internazzjonali fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda bħalissa qed tipproċessa d-dokument tagħha li se jkun fih il-klassifika tal-kundizzjonijiet u l-mard fid-dinja.
Il-WHO tqis atteġġjament tal-bniedem bħala diżordni meta jibqa’ jirrepeti ruħu b’mod persistenti, tali mod li jwassal għal defiċjenzi sinjifikanti fil-ħajja personali, familjari, soċjali, edukattiva, fuq il-post tax-xogħol, inkella f’xi qasam ieħor tal-ħajja li hu essenzjali biex il-ġisem u l-moħħ jiffunzjonaw sewwa.
Karattersitika ta’ diżordni, tkompli l-WHO, hija n-nuqqas ta’ kontroll li l-persuna li tkun tbati minnha jkollha fuqha stess, anki jekk l-effetti jkunu magħrufa li huma negattivi.
Skont il-linji gwida li jiġu mal-klassifikazzjoni li l-organizzazzjoni qed tlesti, id-diżordni tal-gaming tista’ tibda tiġi intraċċata minn sena mindu jibda l-logħob ta’ spiss, kemm onlajn kif ukoll b’metodi oħra.
Madankollu, jekk is-sintomi huma diġà gravi wara inqas żmien minn sena, il-professjonisti għandhom id-dritt li jinkludu f’dil-lista eċċezzjonijiet.
Gregory Hartl, kelliem għall-WHO, irrimarka li l-għan ta’ dan id-dokument jismu ICD-11 mhuwiex magħmul biex joffri xi tip ta’ kura jew prevenzjoni għall-użu eċċessiv tal-gaming, iżda qiegħed hemm biss biex joffri definizzjoni klinika tiegħu.
Il-klassifika tal-ICD kienet ġiet introdotta fl-1990 mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, il-kumitat fi ħdan il-WHO li jieħu d-deċiżjonijiet imporanti, u hija referenza għal aktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja.
Il-ħarġa li jmiss tal-ICD, li se tinkludi d-diżordni tal-gaming, mistennija tkun ippubblikata għal Mejju.