Il-WHO mħassba fuq saħħet it-tfal f’pajjiżi foqra minħabba l-coronavirus

REUTERS/Denis Balibouse/File Photo

Il-Kap tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) wera t-tħassib tiegħu fuq is-saħħa tat-tfal minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Filwaqt li wissa li l-pandemija fadlilha sew biex tispiċċa, qal li jinsab inkwetat fuq kif il-coronavirus qed iħabbat is-servizzi normali tas-saħħa, speċjalment it-tilqim mogħti lit-tfal f’pajjiżi aktar foqra, fejn hemm ħafna mard.

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti nnutat kif il-każijiet u l-imwiet qegħdin jiżdiedu kulma jmur fl-Afrika, fil-Lvant tal-Ewropa, fl-Amerka t’Isfel u xi pajjiżi Ażjatiċi, filwaqt li n-numri qegħdin jonqsu f’pajjiżi li għandhom aktar stabbiltà ekonomika.

Id-Direttur Ġenerali Tedros Adhanom Ghebreyesus indirizza konferenza tal-aħbarijiet virtwalment f’Ġeneva u qal li fadal triq twila u ħafna xogħol xi jsir, peress li mistennija t-tieni mewġa tal-coronavirus, iżda din tista’ tiġi evitata jekk jittieħdu l-miżuri t-tajbin.

Huwa spjega li minkejja li t-tfal għandhom riskju baxx li jlaqqtu l-coronavirus jew imutu bih, jistgħu jkunu f’riskju li jmutu b’mard ieħor li jistgħu jieħdu tilqima għalih. Madwar 13-il miljun persuna ġew affettwati madwar id-dinja minħabba li t-tilqima kontra mard bħall-kolera u l-meninġite qegħdin jiħduha tard, jew ma jiħduhiex.

21 pajjiż qalu li għandhom nuqqas ta’ tilqimiet kontra dan il-mard minħabba li għadd ta’ pajjiżi mhumiex jippermettu li jidħlu ajruplani.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn