Il-WHO impressjonata bid-dożi tal-vaċċin li rnexxielha tikseb Malta – Il-Gvern

vaċċin coronavirus covid19
Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne jilqgħu l-ewwel kaxxa tal-vaċċin

Read in English.

Il-Gvern qal li l-Kap tal-Fergħa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-Ewropa, Hans Kluge, jinsab impressjonat bid-dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19 li rnexxielha takkwista Malta.

Stqarrija tal-Gvern maħruġa waranofsinhar tgħid li mal-wasla tal-ewwel konsenja tal-vaċċin tal-COVID-19, il-Kap tal-Fergħa tal-WHO fl-Ewropa bagħat jifraħ lil Malta għall-mod li bih Malta rnexxielha tikseb l-istess trattament li jgawdu minnu l-pajjiżi kbar Ewropej.

Ilbieraħ, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li permezz tal-aħħar negozjati, Malta għandha tikseb total ta’ 600,000 doża tal-vaċċin b’kollox.

Kluge kiteb lil Fearne u qal li jinsab impressjonat bl-ammont ta’ vaċċini li rnexxielu jakkwista Malta u bil-ħeffa li bihom se jibdew jaslu, konsenja wara oħra, tal-vaċċin. Huwa stqarr li din hija xhieda tat-tmexxija għaqlija tal-Gvern, u fakkar li kien Chris Fearne stess li witta t-triq għax-xiri konġunt Ewropew tal-mediċini meta beda d-diskussjoni għall-ewwel darba waqt il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea lura fl-2017.

Illum bdew jitlaqqmu l-ewwel persuni f’Malta. L-ewwel waħda kienet Rachel Grech, infermiera li taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei, li qalet li xtaqet tieħu l-vaċċin biex tgħaddi messaġġ lill-Maltin biex jiħduh.