Il-White House titlob li tiddaħħal mill-ġdid l-ordni eżekuttiva fuq l-immigrazzjoni

Il-White House talbet lill-Qorti Suprema Amerikana sabiex tiddaħħal mill-ġdid il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar lejn l-Amerka minn sitt pajjiżi Musulmani.
Dan qed isir minkejja li meta Trump ħareġ l-ordni eżekuttiva ftit wara li sar president, kienu bosta dawk il-Qrati Minuri fl-Istati Uniti li m’aċċettawhiex minħabba li insistew li kienet ordni razzista u intolleranti.
Din kienet it-tieni deċiżjoni kontroversjali ta’ Trump fi ftit sigħat, wara li ddeċieda wkoll li joħroġ lill-pajjiż mill-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 għat-Tibdil fil-Klima.
L-ordni eżekuttiva ma tħallix persuni mil-Libja, il-Jemen, l-Iran, is-Somalja, is-Sudan u s-Sirja jidħlu fil-pajjiż għal 90 ġurnata minn meta tiġi eżegwita. Dan japplika wkoll għar-refuġjati.
Kelliema għad-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikana qalet li temmen li l-ordni eżekuttiva ta’ Trump hija permessa skont l-awtorità legali li jista’ jeżerċita sabiex jipproteġi lin-nazzjon mit-terroriżmu.