Il-White House żżejjen għall-Milied

Fl-Istati Uniti l-istaġun tal-Milied jibda meta l-President Amerikan jaħfer mill-mewt xi dundjani li jkunu se jinqatlu biex jittieklu għal dik l-okkażjoni u meta r-residenza uffiċjali tiegħu turi kif żejnet għall-Milied. Din is-sena Donald Trump ħafer lid-dundjani u l-First Lady, Melania Trump, uriet kif żejnet għall-Milied.

Din is-sena t-tema magħżula minn Melania Trump hija ‘L-Ispirtu tal-Amerika’. Dan sar b’tfkira għat-tradizzjonijiet, drawwiet u l-Istorja li wasslet biex il-pajjiż sar l-aktar wieħed b’saħħtu fid-dinja. B’hekk jidhru l-istilel tad-deheb fuq siġra tal-Milied, b’żigarelli bl-istrixxi u bl-istilel li jinsabu madwar il-fireplace fl-East Room u l-kalendarju tal-Avvent tal-White House li jinsab fil-Green Room.

Iżda din is-sena ma jinkludix lill-First Lady tippassiġġa qalb is-siġar tal-Milied fil-kurituri tal-White House, inkella xi ritratt kbir tagħha f’nofs sala fost ruxxmata friegħi ħodor tas-siġar.

Melania Trump fil-filmat dwar it-tiżjin tal-Milied fil-Whit House (ritratt: Andrea Hanks/White House)

Ta’ min ikun jaf li s-sena l-oħra s-Sinjura Trump dehret mhux ħażin f’filmat li kien sar biex juri d-dekorazzjonijiet fil-White House. Dan kien ġabilha kritika ħarxa u għalhekk din is-sena ma tantx dehret fih u l-uniku parti mill-filmat li tidher fih hi meta miexja u tidher b’daharha lejn il-kamera.