“Il-whistleblowers għadhom jaffaċċjaw sfidi”

ll-Kunsill tal-Ewropa (KE) qal li l-whistleblowers għadhom qed jaffaċċjaw sfidi sinifikanti.

Il-KE qal dan fir-rapport tiegħu dwar il-libertà tal-espressjoni fl-istati membri tiegħu fis-sena 2018. Intqal li fl-2018, Ċipru ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew għall-eks impjegata ta’ Pilatus Bank Maria Efimova. Hi kienet ħadmet ukoll ma’ bank Ċiprijott. Fil-passat Efimova kienet għaddiet informazzjoni lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Efimova telqet minn Malta f’Awwissu tal-2017 wara li bdiet tibża’ għal ħajjitha. Efimova applikat għall-ażil fil-Greċja.

Caruana Galizia assassinata fl-istil tal-Mafja – KE

Għall-KE, hemm diversi kriterji li bihom tqis is-sigurtà tal-ġurnalisti. Dawn jinkludu li ma jkunx hawn jkunx hawn tqail jew attakki fiżiċi kontra l-ġurnalist u li l-ġurnalisti jingħataw protezzjoni mill-pulizija meta din tintalab.

Skont ir-rapport kien hemm xi progress fl-investigazzjoni dwar l-assassinju li sar fl-istil tal-Mafja ta’ Daphne Caruana Galizia. Irrefera għall-arrest tat-tliet persuni li jinsabu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista.

70 sena ta’ ħidma favur il-libertà tal-espressjoni

Il-KE qal li fl-2019 qed jiċċelebra l-għeluq ta’ 70 sena tal-eżistenza tiegħu. Qal li tul dak iż-żmien, il-libertà tal-espressjoni kellha importanza ċentrali għalih. Qal li Artiklu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea jipproteġi d-dritt tal-individwi li jiffurmaw, jħaddnu, u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom mingħajr interferenza mhux xierqa. Intqal li dan huwa kruċjali għar-realizzazzjoni tad-drittjiet umani kollha l-oħra.

Assassinju tal-ġurnalisti

Il-KE qal li l-assassinju ta’ mill-inqas żewġ ġurnalisti fl-Ewropa għal raġunijiet relatati max-xogħol tagħhom wera l-prezz li l-professjonisti tal-midja jkomplu jħalsu talli investigaw il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fl-2018.

Il-KE qal li l-kampanji ta’ misinformazzjoni mmirati biex jiskreditaw il-ġurnalisti u retorika inflammatorja minn politiċi ewlenin qed jiżdiedu. Intqal ukoll li qed jiżdiedu l-kampanji kontra l-ġurnalisti fuq il-midja soċjali.

Ir-rapport qal ukoll li għaqdiet mhux Governattivi u atturi oħra tas-soċjetà ċivili għandhom irwol simili u ta’ sikwit jikkumplimentaw l-irwol tal-midja biex dawk fil-poter jinżammu responsabbli għal għemilhom.

Xi membri tal-midja saru għodda tal-propoganda – KE

It-tixrid tad-disinformazzjoni mill-midja u anke online, xi kultant imbuttata minn gvernijiet barranin qed ikompli jħasseb lill-istati demokratiċi fi ħdan il-KE. Il-kunsill fakkar li l-PACE addotta riżoluzzjoni fuq il-protezzjoni tal-integrità editorjali. Qajjem tħassib li xi membri tal-midja saru għodda tal-propoganda u qed jintużaw biex tinċita l-mibgħeda kontra minoritajiet u gruppi vulnerabbli.

Ir-rapport jgħid li liġijiet fuq id-defamazzjoni, kliem ta’ mibgħeda, u oqsma oħrajn li jestrinġu l-kelma ħielsa għandhom bżonn ikunu miktubin bħala eċċezzjonijiet għall-prinċipju kardinali taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-informazzjoni u ideat.

Uħud mill-kriterji biex jitkejlu l-garanziji legali għal-libertà tal-espressjoni jinkludu li:

  • M’hemmx prosekuzzjoni kriminali f’każijiet ta’ defamazzjoni ħlief fejn id-drittijiet tal-oħrajn ikunu ġew imxekkla b’mod serju
  • Uffiċjali pubbliċi jew politiċi ma jkollhomx livell ogħla ta’ protezzjoni mill-kritika u insult min-nies normali
  • Hemm qafas biex jiġu protetti l-whistleblowers

Intqal li fis-Slovakkja, ġurnalist ta’ Plus 7 ingħata sentenza sospiża ta’ 3 snin ħabs b’rabta ma’ artiklu li allega li l-eks speaker tal-kamra kien korrott. Il-ġurnalist kien irrifjuta li jiżvela l-identità ta’ wieħed mis-sorsi ewlenin tiegħu.

Ir-rapport jgħid li l-midja għandha rwol importanti biex iżżomm lill-gvernijiet reponsabbli u tiffaċilita aċċess effettiv għad-dritt ta’ informazzjoni. Il-KE jgħid ukoll li bloggers, online reporters, u contributors li forsi ma jilħqux id-definizzjoni tal-ġurnaliżmu mainstream għandhom ukoll irwol importaanti u għandom jiiedħu l-protezzjoni siimili bil-liġi.

Ir-rapport isemmi wkoll l-importanza tal-pluraliżmu u d-diversità tal-midja biex jiġi assigurat li l-pubbliku jkollu aċċess għal għażla vasta ta’ fehmiet politiċi u soċjali differenti. Dan jinkludi l-perspettiva tal-minoritajiet u komunijiet mhux daqstant rappreżentati.

Dwar il-libertà tal-espressjoni fuq l-internet, ir-rapport jgħid li pajjiż m’għandux jagħmel restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-midja soċjali u pjattaformi oħra tal-internet.

Skont ir-rapport, partijiet kbar mis-settur tal-midja qed ibatu biex jaddattaw għat-tnaqqis fid-dħul mir-reklami filwaqt li dawk li qed jibbenefikaw l-aktar minn din il-bidla qed jagħmlu ftit biex jappoġġjaw il-ġurnaliżmu ta’ kwalità.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn: