Il-whistleblower Russa t’Egrant tonqos milli tidher fil-Qorti

Il-Qorti ordnat l-arrest tal-whistleblower Russa li kienet xehdet fil-każ Egrant, wara li ma dehritx fil-Qorti llum fejn qed tiġi akkużata li xehdet falz b’detriment għal żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Il-mara hija akkużata li għamlet allegazzjonijiet foloz fil-konfront tas-Supretindent Denis Theuma u l-Ispetturi Jonathan Ferris u Lara Butters.
Hija qed tiġi akkużata wkoll li ffrodat lill-Bank Pilatus.
Ferris u Butters kienu qed jinvestigaw l-allegazzjoni tal-frodi lil Pilatus, u kienu ressqu lir-Russa quddiem il-Qorti Kriminali.
Illum, kemm Ferris kif ukoll Butters kienu preżenti l-Qorti, iżda l-whistleblower naqset milli tkun preżenti.
Il-Maġistrat Joe Mifsud qal fil-Qorti li mhuwiex sewwa li persuna li waqqfet pajjiż sħiħ minħabba l-allegazzjonijiet tagħha tagħmel hekk.
Fil-Qorti nstema’ wkoll li s-Supretindent Theuma kellu jipposponi affarijiet oħra sabiex ikun hemmhekk.
Hija ġiet immultata wkoll €500 ta’ dan in-nuqqas.
Is-seduta li jmiss hi f’Awwissu.