Il-whistleblower Russa se titkellem quddiem il-Parlament Ewropew

Il-whistleblower Russa fil-każ tal-kumpanija Egrant fil-Panama, se tixhed fil-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew nhar it-Tnejn li ġej filgħaxija. 
Is-sit The Shift żvela kif Maria Efimova, li hija wkoll eksimpjegata tal-Bank Pilatus, se titkellem mal-Membri Ewroparlamentari permezz ta' video conferencing, dwar il-ħarsien tal-liġi f'Malta u dak li ħareġ mill-Panama Papers. 
Riċentament, Maria Efimova qalet ma’ The Times ta’ Londra li jekk tiġi Malta ma ddumx ħajja.
F'April li għadda hija kienet għaddiet dokumenti lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, li allegatament huma ta' Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Kemm-il Prim Ministru kif ukoll martu kemm-il darba ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet. Hija kienet sabet id-dokumenti f'sejf fil-kċina tal-Bank Pilatus. 
Xehdet ukoll quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkjesta dwar il-każ Egrant.
Efimova kienet tkeċċiet mill-Bank Pilatus f'Marzu 2016 u aktar tard ħarrket lill-bank għax ma tħallsitx. Imbagħad il-Bank fetħilha kawża minħabba miżapproprijazzjoni ta' fondi. 
Il-Qrati Maltin ħarġu Mandat ta' Arrest Ewropew u Mandat ta' Arrest Internazzjonali, wara li Efimova ma attendietx għal numru ta' seduti. 
Membri tal-Kumitat PANA, li twaqqaf biex jinvestiga l-iskandlu tal-Panama Papers, ħadu sehem f’dibattitu dwar il-ħarsien tal-liġi f’Malta, fl-aħħar sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Dakinhar il-Parlament Ewropew ivvota favur riżoluzzjoni biex jibdew taħdidiet mal-Gvern Malti dwar il-ħarsien tal-liġi. Aktar kmieni dan ix-xahar, delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ġiet Malta f'missjoni biex tindaga l-fatti, li fi tmiemha wieħed mill-MEPs qal li se jitilqu minn Malta, imħassba aktar milli ġew