Aġġornata (7): KAŻ EGRANT: Il-whistleblower tirribatti l-allegazzjonijiet kontriha; Il-PL ikompli jallega

Aġġornata 8pm bi tweġiba tal-whistleblower
Il-whistleblower tal-Każ Egrant wieġbet għall-allegazzjonijiet li qed isiru kontriha. It-tweġiba saret permezz tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li allegat li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Din l-allegazzjoni qed tiġi miċħuda kemm mill-Prim Ministru kif ukoll minn martu.
F’artiklu li ppubblikat illum waranofsinhar, il-ġurnalista Caruana Galizia saħqet li l-eksimpjegata tal-Bank Pilatus, ma wettqet l-ebda frodi u li l-Bank daħħal rapport falz kontriha, wara li hi għamlet rapport mal-Pulizija għax ma tħallsitx.
Caruana Galizia ppubblikat il-verżjoni tal-whistleblower wara li ġie rrappurtat li l-mara, li hi Russa, użat il-flus tal-Bank Pilatus biex ħallset titjiriet għal btajjel għall-familja tagħha.
DCG qed tgħid li l-mara Russa ħadmet fil-Bank Pilatus sa Marzu tal-2016, u kienet l-Assistenta Personali tal-Kap Eżekuttiv tal-Bank.  Żiedet tgħid li l-mara ma tħallsitx għal bejn Jannar u Marzu.
Caruana Galizia qalet ukoll li f’Marzu l-mara għamlet rapport lid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali li rreferew il-każ lill-Pulizija.  Il-Bank wieġeb billi ressaq akkużi ta’ frodi quddiem il-pulizija u ttermina l-impjieg tal-mara li qed tiċħad bil-qawwa l-allegazzjonijiet tal-bank.
Il-Bank Pilatus qiegħed f’nofs il-kontroversja dwar il-kumpanija Egrant. Il-Bank huwa ta’ sid wieħed biss li għandu passaport mill-ġuriżdizzjoni dubjuża ta’ St Kitts. Sorsi qrib is-servizzi finanzjarji qalu lil Newsbook.com.mt li jiskantaw kif bank bħal dan b’rabtiet mal-familja tad-dittatur Aliyev tal-Ażerbajġan, ingħata liċenzja mill-MFSA.
Meta faqqa’ l-każ Egrant, is-sid tal-bank kien iffilmjat mill-kameras tat-TV, ħiereġ mill-bank b’żewġ bagalji. Is-sid qal li kellu dokumenti li jkollu bżonn bħala chairman, iżda li dawn ma kinux id-dokumenti dwar il-każ Egrant.
Dwar ix-xhieda tal-whistleblower taw il-verżjonijiet tagħhom il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista f'konferenzi tal-aħbarijiet li indirizzaw matul il-ġurnata. 
Aġġornata 6.30pm
Fit-tieni konferenza tal-jum, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Chris Cardona u l-Ministru Edward Zammit Lewis qalu li hemm it-tieni każ tal-whistleblower, b’akkużi ta’ ħsara u inġurji fil-konfront tas-Supretendent tal-Pulizija Dennis Theuma u l-ispetturi Jonathan Ferris u Lara Butters.
Zammit Lewis ikkritika lill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi u lill-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami, li skontu jippreferu jiddefendu lill-whistleblower waqt li attakkaw lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Żied jgħid li għandu fiduċja sħiħa fl-Uffiċċju tal-AĠ immexxi minn Dr Peter Grech. 
Aġġornata 5.15pm 
"L-AĠ u l-Bord tal-Pulizija fi tfittxija għal dettalji dwar il-whistleblower" –  Jason Azzopardi
Jason Azzopardi qal li għandu informazzjoni vverifikata, li uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kif ukoll tal-Police Board, dalgħodu għamlu numru ta’ telefonati biex jippruvaw jakkwistaw informazzjoni dwar il-whistleblower fil-każ Egrant.
Il-kelliem Nazzjonalista stqarr li f’dan il-każ qed toħroġ il-falzità ta’ Joseph Muscat, li jgħid li daħħal il-liġi tal-whistleblower, u fl-istess ħin fetaħ attakk feroċi, kontra min qed jikxef id-dettalji dwar il-koruzzjoni minn dawk li sejjaħ il-kriminali f’Kastilja.  Żied jgħid li whistleblower irid ikollu l-guts u jirriskja kollox biex jikxef xi tip ta’ korruzzjoni.
“L-attakki huma prova tal-paniku” – Beppe Fenech Adami
Min-naħa tiegħu, Beppe Fenech Adami qal li dawn l-attakki huma l-akbar prova ta’ kemm l-istess kriminali jinsabu f’paniku.
Iddeskriva bħala “diżgustanti” l-mod ta’ kif il-midja tal-Partit Laburista qed tagħmel minn kollox biex twaqqa’ l-kredibiltà tal-whistleblower.  Sostna li l-Prim Ministru qed jipprova jitfi kull tip ta’ informazzjoni li qed tinxtered permezz tal-whistleblowers.
Madankollu żied jgħid li tant qed jinqalgħu każijiet li l-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru ma baqgħetx aktar tenibbli.
F’waħda miż-żewġ konferenzi tal-aħbarijiet li għamel il-Partit Nazzjonalista, tkellmet ukoll Paula Mifsud Bonniċi li sostniet li l-ebda theddid mhu se jwaqqaf lill-Partit Nazzjonalista u lanqas lil kull min qed jikxef l-informazzjoni.
Aġġornata 4pm 
“Il-Kap tal-PN perikoluż, iddisprat, irresponsabbli” – PL

Intant id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Chris Cardona u l-Ministru Edward Zammit Lewis qalu li l-Kap Nazzjonalista hu perikoluż, iddisprat, irresponsabbli u li jibbaża l-ġudizzju tiegħu fuq persuna akkużata bi frodi.
“Konferma ta’ frame-up ikkollaborat” – Chris Cardona
F’konferenza tal-aħbarijiet, Cardona stqarr li llum ġie kkonfermat li fl-aħħar ġimgħat ġie magħmul frame-up ikkollaborat. Żied jgħid li minn meta faqqa l-każ Egrant għad m’hemmx prova waħda.  Cardona saħaq li Simon Busuttil qed jipprova joħloq instabbiltà fil-futur tal-pajjiż. Qal li Busuttil lest li jagħmel kollox biex ikun fil-poter.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Zammit Lewis qal li l-konferenzi tal-PN illum tmexxew minn Beppe Fenech Adami li jinsab hu stess taħt inkjesta, u minn Jason Azzopardi li għandu rapport kontra tiegħu mill-Awditur Ġenerali.
It-Times dalgħodu rrappurtat li l-Bank Pilatus fetaħ ilment formali fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida, ċaħad l-allegazzjonijiet tal-‘whistleblower’ fil-każ Egrant kif ukoll qal li r-Russa hi akkużata bi frodi. Ir-rapport jgħid ukoll li l-impjieg tal-mara mal-Bank twaqqaf f’Marzu 2016 u li hi qed tallega li ma tħallsitx għal dak li kellha tieħu. 
Aktar kmieni dalgħodu, il-midja tal-Partit Laburista qalet ukoll li fix-xhieda tagħha, il-mara ma ppreżentat l-ebda evidenza dokumentata.
Il-'whistleblower' fil-gazzetti
L-eksimpjegata tal-Bank Pilatus li lbieraħ marret minn jeddha l-qorti biex tixhed fil-każ Egrant, sabet ruħha fi tliet gazzetti mill-erba’ li joħorġu kull nhar ta’ Sibt.
Fil-faċċata, it-Times tikkwota dak li kitbet ilbieraħ fil-blogg tagħha l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li l-‘whistleblower’ dwar l-iskandlu Egrant, qatt ma kellha l-intenzjoni li tixhed fil-Qorti, iżda lbieraħ ħasset il-bżonn li tagħmel dan minħabba li l-allegazzjonijiet baqgħu jiġu miċħuda.
In-Nazzjon tirrapporta wkoll dan il-każ fil-faċċata, b’titlu Il-whistleblower tixhed minn jeddha. Tgħid li l-whistleblower hija l-persuna li għaddiet l-informazzjoni lil Caruana Galizia dwar il-kumpanija Egrant, li qed jiġi allegat li hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.  Kemm il-Prim Ministru kif ukoll martu qed jiċħdu dawn l-allegazzjonijiet.
The Malta Independent ma tagħtix daqstant prominenza lil din l-istorja. F’paġna tlieta, il-ġurnal jgħid li l-Prim Ministru laqa’ l-aħbar b’sodisfazzjon għax dan jista’ jwassal biex toħroġ il-verità kollha, “dwar gideb fuqi u fuq familti.”
Il-whistleblower tħalliet barra mill-ġurnal L-Orizzont, li minflok kiteb editorjal bit-titlu Strateġija tal-ħażen. Isemmi kif meta din il-ġimgħa ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ġie akkużat li daħħal flejjes kbar f’commissions mill-bejgħ tal-Programm taċ-Ċittadinanza, wara ftit intqal li l-flejjes li ssemmew kienu parti minn ftehim ta’ self li sar ukoll mat-Times u l-Media.link.