Il-whistleblower dwar il-viżi mediċi Libjani akkużat b’rapport falz

Il-whistleblower li kien allega korruzzjoni minn uffiċjal fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, Neville Gafa biex jinħarġu viżi mediċi lil-Libjani, tressaq il-Qorti akkużat b’rapport falz, bi frodi u b’rikatt fil-konfront ta’ Gafa.
Is-Sirjan ta’ 45 sena li joqgħod fis-Swieqi, wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa kien qal li Gafa ħa mat-€38,000 għal viżas mediċi lil-Libjani.
Mill-investigazzjoni ħareġ li s-Sirjan bagħat messaġġi b’theddid lilu nnifsu biex jalludi li kien qed jirċievi theddid fuqu u fuq familtu. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija ħareġ li n-numru li minnu s-Sirjan suppost irċieva t-telefonati kien tiegħu stess.
Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, Gafa xehed fuq il-proċeduri kif kienu jinġiebu l-Libjani midruba. Huwa allega li s-Sirjan kien qed jipprova jirrikattah biex jinħarġu viżi mediċi għat-turiżmu mediku ta’ Libjani li ma kienux koperti bil-ftehim bejn il-Gvernijiet.
Il-każ se jkompli jinstema’ f’Settembru li ġej.