Aġġornata(2): “Il-wegħda ta’ Simon Busuttil dwar l-art ODZ taret mar-riħ”

Il-Partit Laburista qal li l-wegħda tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li “ODZ is ODZ”, taret mar-riħ, dan hekk kif irid jespandi l-Freeport fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Simon Busuttil irid ikabbar dak li għar-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar diġà jfisser inkonvenjent.
Żied jgħid li dan huwa l-istess Simon Busuttil li kien parti integrali mill-Gvern li fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta tefa’ powerstations, impjant taż-żibel, impjant tad-drenaġġ, u tant oħrajn.
Saħaq li għall-amministrazzjoni preċedenti, ir-residenti tas-South kienu tat-tieni klassi.
Il-Partit Laburista li qal b’kuntrast, il-Gvern mal-ewwel beda jwettaq proġetti pożittivi biex jagħti lura d-dinjità lil din iż-żona, bl-għeluq tal-powerstation tal-Marsa.
Reazzjoni mill-PN:
Fi tweġiba, il-Partit Nazzjonalista qal li r-rigal ta’ Muscat lill-familji fin-naħa t’isfel hu t-tanker tal-gass, u li l-Prim Ministru hu kburi bih tant li din il-ġimgħa se jmur Singapore, ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, biex jara t-tanker.
Il-PN iddeskriva kliem il-Prim Ministru bħala “attakk kontra l-Freeport u l-ħaddiema”, u akkużah li nqata’ mir-realtà tal-familji.
Tenna li l-istorja ta’ suċċess tal-Port Ħieles m’għandhiex titwaqqaf ħesrem għax il-Prim Ministru ddeċieda hekk, u saħaq li l-politika ekonomika tiegħu hi mibnija fuq ekonomija għan-nies.
Fl-istess ħin, ta elenku ta’ “wirt” tal-PN fin-naħa t’isfel ta’ Malta, inkluż waterfront, skejjel ġodda, kumplessi u faċilitajiet sportivi, parks għall-familji u proġetti oħra. 
Reazzjoni mill-PL:
Anke l-Partit Laburista rreaġixxa u fakkar li l-familji Maltin qed igawdu minn kontijiet orħos tal-enerġija u arja iktar nadifa bl-għeluq tal-powerstation tal-Marsa, u li din is-sitwazzjoni se titjieb bil-qalba għall-gass.
Sostna li t-tanker tal-gass hu temporanju, pass kruċjali, u ma kienx ikun meħtieġ kieku l-PN fil-Gvern għamel il-pipeline tal-gass. Bil-maqlub, saħaq, l-estensjoni li qed jitlob Simon Busuttil għall-Port Ħieles tibqa’ b’mod permanenti.