Il-websajt tal-Lands għadha mhix aċċessibbli; għaddew 72 siegħa

Il-websajt tal-Awtorità tal-Artijiet għadha mhix aċċessibbli minkejja li diġà għaddew 72 siegħa. Il-websajt ma’ baqgħetx aċċessibbli onlajn propju mill-Ġimgħa fis-2pm u dan ġie żvelat għall-ewwel darba minn Newsbook.com.mt.

Xi sigħat wara rapport ta’ timesofmalta.com u The Shift News sabet illi eluf ta’ dokumenti privati u kunfidenzjali ta’ persuni Maltin kienu ntefgħu fuq l-internet. Fost dawn id-dokumenti kien hemm dettalji personali u sensittivi ta’ eluf ta’ ċittadini Maltin.

Wara ħin twil ta’ silenzju, 24 siegħa wara li ġie żvelat il-każ, l-Awtorità tal-Artijiet kisret is-silenzju fejn fi stqarrija ppubblikata minn timesofmalta.com qalu li ma kien hemm l-ebda tip ta’ infiltrazzjoni minn terzi persuni li setgħu xerrdu informazzjoni li ma kinitx intenzjonata li tkun pubblika.

F’dikjarazzjoni li ma waslitx lil din il-kamra tal-aħbarijiet, ġie spjegat li l-informazzjoni li hija aċċessibbli permezz ta’ Google hija l-istess informazzjoni li applikant jipprovdi lill-Awtorità tal-Artijiet fl-applikazzjoni li jimla onlajn u li skont l-Awtorità l-applikant jagħti l-kunsens tiegħu li l-informazzjoni li qed jipprovdi tgħaddi minn skrutinju pubbliku permezz tas-sit tal-Awtorità.

Newsbook.com.mt kien ikkuntattja l-Ministeru b’sett ta’ mistoqsijiet dwar il-każ sabiex ikun jista’ jiċċara x’ġara eżatt.

Il-Ministeru wieġeb biss li jinsab infurmat bil-każ u li ttieħdet azzjoni immedjata sabiex jiġu stabbiliti l-fatti tal-każ. Madanakollu t-tip ta’ azzjoni li ttieħdet ma’ ġietx spjegata. Intant, il-Ministeru qal li hemm ċans li d-dettalji dwar il-każ joħorġu fiż-żmien li ġej jekk jinstab li huwa xieraq li joħorġu d-dettalji. Il-Ministeru ħa din id-deċiżjoni sabiex ma jikkawżax dannu lill-azzjonijiet li qed jittieħdu mill-Awtorità tal-Artijiet dwar il-każ.

Skont l-avukat speċjalista fil-qasam tal-informatika u fil-protezzjoni tad-data Dr Michael Zammit Maempel, il-każ tad-data breach fl-Awtorità tal-Artijiet jixgħel ħafna bozoz ħomor dwar kif qed tinżamm l-informazzjoni tal-pubbliku mill-Gvern.

Ilbieraħ, il-kumpanija responsibbli mill-iżvilupp tas-sit tal-Awtorità tal-Artijiet, Webee Ltd qalet li huma qatt ma kitbu jew iddisinjaw il-kodiċi tal-applikazzjoni tan-negozju li minħabba difett fih nhar il-Ġimgħa dokumenti personali ta’ eluf ta’ Maltin spiċċaw fuq l-Internet.