Il-WasteServ tiġbor 128 tunnellata ta’ ħġieġ nadif f’Ottubru

Il-WasteServ ħabbret li nhar il-Ġimgħa li għadda ġabret 128 tunnellata ta’ ħġieġ nadif mill-ġbir bieb bieb. Fi stqarrija qalet li b’hekk irreġistrat żieda ta’ 58% meta mqabbla mal-istess ġurnata f’Settembru li għadda.

Il-ħġieġ riċiklabbli jinġabar mid-djar fil-gżejjer Maltin darba fix-xahar minn GreenPak u GreenMT. Il-WasteServ innutat iż-żieda notevoli fil-kwalità tal-ħġieġ riċiklabbli matul il-ġbir ta’ Ottubru.

Il-WasteServ qalet li se tkompli tintensidika kampanja edukattiva li bdiet fl-aħħar jiem biex il-pubbliku jkompli jissepara l-ħġieġ u joħorġu għall-ġbir f’kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw bħal bramel qodma, kaxxi tal-injam u tal-plastik, jew kontenituri tal-iskart bħal dawk ipprovduti mill-WasteServ.

Wieħed jista’ jagħmel użu wkoll miċ-Ċentri tal-Iskart Goff, mid-diversi iBiNs u Bring-In sites disponibbli madwar Malta.