“Il-Wasteserv qed tikser il-liġi” – Jason Azzopardi

Read in English.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi, ilbieraħ filgħaxija akkuża l-Wasteserv li qed tikser il-liġi u li issa l-Ministru Josè Herrera tilef kull kontroll fuqha. Azzopardi kien qed jitkellem fil-Parlament waqt id-dibattitu tal-baġit dwar il-voti tal-Ministeru għall-Ambjent.

Azzopardi poġġa ritratti fuq il-mejda tal-kamra li sostna li huma prova li ammont kbir ta’ apparat elettriku kien qed jinżamm b’mod illegali fil-faċilità Tal-Balal immexxija mill-Wasteserv. Qal li dan mhux aċċettabbli hekk kif aġenzija immexxija mill-Gvern qed tikser liġijiet dwar l-ambjent u l-ippjanar. Skont Azzopardi, il-faċilità tippermetti ż-żamma ta’ 49 tunnellata, iżda bħalissa qed iżżomm 600 tunnellata.

Rimi illegali fil-Magħtab

“Kif jista’ l-Gvern jitkellem dwar is-Saltna tad-Dritt meta l-Wasteserv qed tikser il-liġi? Fejn hu l-Ministru li suppost huwa marbut li jassigura li l-liġi hija ugwali u stmata minn kulħadd?” staqsa l-MP Nazzjonalista.

Hu allega wkoll li l-Wasteserv qed tarmi saqqijiet u materjal ieħor illegalment fil-faċilità tal-Magħtab. Żied jgħid li l-iskart mhux qed jiġi separate kif suppost u minħabba f’hekk qed ikun hemm konsegwenzi negattivi fuq l-ambjent. Azzopardi staqsa għaliex intagħżlet din il-faċilità mingħajr ma ħareġ tender. Allega li Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, huwa sieħeb tal-kumpanija u staqsa jekk dan il-fattur hux ir-raġuni għaliex intagħżel dan is-sit partikolari.

Koinċidenza?

Azzopardi żied jgħid li din il-faċilità oriġinarjament kienet isservi bħala boatyard, iżda fi Frar tal-2018, nirien kbar wasslu għal ħsarat kbar fiha. Hu nnota li ‘b’koinċidenza’ kien hemm nirien ukoll fil-faċilità tal-Magħtab u ‘b’koinċidenza’ l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn għadda mill-istess ħaġa fl-2017.