Il-WasteServ b’sejħa pubblika ġdid għal studji dwar l-inċeneratur

MECP

Read in English.

Il-WasteServ għamlet sejħa pubblika ġdid għall-offerti għal sensiela ta’ studji, analiżi u rakkomandazzjonijiet għall-faċilità ġdida tal-inċeneratur.

Fi stqarrija kien spjegat li dan huwa l-bidu għall-proċess biex jinbena impjant ġdid għall-iskart kliniku ta’ €50 miljun. Is-sejħa pubblika qed issir għall-istudji, inkluż studji ambjentali, u xogħol ta’ konsulenza. L-impjant il-ġdid tħabbar madwar tliet ġimgħat ilu mill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia. Dan se jkun parti mill-proġett ECOHIVE u ħa jkun qed jieħu post l-inċineratur tal-Marsa.

“Il-faċilità l-ġdida se tinkorpora l-aqwa teknoloġiji disponibbli fl-immaniġġjar tal-iskart sabiex tiggarantixxi prestazzjoni ambjentali ideali u b’potenzjal li tiġġenera enerġija nadifa permezz tal-proċess tal-inċinerazzjoni,” qalet il-WasteServ.

Dawk interessati għandhom sal-10 ta’ Novembru biex iressqu l-offerta tagħhom. Id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti jinsabu hawn. Intant wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni dwar il-proġett ECOHIVE minn hawn.