Il-vulnerabbli jsofru bl-impunità

Artiklu mitub minn Salvu Felice Pace

Ian-Borg-Budget
Miguela Xuereb

Is-sens ta’ impunità li kellna taħt gvernijiet Laburisti fis-snin 70 u mill-2013 ‘l hawn huwa r-raġuni għala r-reputazzjoni ta’ Malta sofriet bil-kbir kemm fl-imgħoddi kif ukoll fil-preżent. U dan is-sens ta’ impunità għandu wkoll effett negattiv fuq dawk li jinsabu f’qagħdiet vulnerabbli. Dawk b’saħħithom isibu mod kif jimmanipulaw sitwazzjonijiet biex joħorġu rebbieħa b’mod jew ieħor. Jifilħu jużaw flushom u l-kuntatti tagħhom biex jew ma jittieħdu l-ebda passi kontrihom jew li jkollhom l-aqwa difiża. Il-vulnerabbli ma jistgħux jikkompetu.

Nieħdu l-każ li dwaru għadhom qed jidhru ħafna kummenti. Il-Ministru Ian Borg dan l-aħħar ingħata ċertifikat negattiv minn Maġistrat li l-qorti ma sabitx il-provi li ppreżenta l-qorti bħala xhieda kredibbli. Il-każ jinvolvi persuna vulnerabbli li fir-raħal żgħir ta’ Ħad-Dingli kulħadd jafu bħali għax ibati b’mard mentali. Borg ilu jaf lil dan il-bniedem għal 18-il sena. Ma nidħolx fil-mertu tal-każ, iżda gazzetta allegat li Borg ħa vantaġġ mill-vulnerabbiltà ta’ din persuna f’kuntratt dwar biċċa art. Fejn tidħol l-impunità?

“Is-sens ta’ impunità jagħti lil xi nies sens ta’ awtorizzazzjoni li jinsulentaw”

F’pajjiż fejn riformi fl-eżekuzzjoni tal-ġustizzja kellhom jiġu imposti minn istituzzjonijiet barranin, dawk li huma f’pożizzjonijiet eżekuttivi bħalma huma l-Ministri jafu li se jeħilsuha lixxa jekk jabbużaw. Li kieku jien jew int tajna xhieda fil-qorti taħt ġurament li l-qorti qalet li ma kinitx kredibbli, aħna konna nsofru l-konsegwenzi. Imma Ian Borg s’issa għadu għaddej daqslikieku ma ġara xejn u kien arroganti għall-aħħar meta qal lill-ġurnalista li dak li kellu jgħid dwar dak il-każ huwa qalu diġà. Borg irid jifhem li kull ġurnalista għandha d-dritt li tirrepeti l-istess mistoqsija. Hu l-mistoqsija se nerġa’ nagħmilha jien: Onorevoli, x’ser tagħmel dwar dak li ntqal mill-Maġistrat? U l-Prim Ministru se jieħu xi azzjoni jekk Borg jibqa’ ma jagħmel xejn?

L-impunità taf tagħti l-kuraġġ lil min irid joffendi. Se nagħti żewġ eżempji li kelli x’naqsam magħhom jien. F’Għawdex jafuni ħafna nies kemm għax għallimt lil mijiet ta’ żgħażagħ tas-Sixth Form kif ukoll għax kont nikteb ta’ spiss f’diversi ġurnali. Meta wara li tlift lil marti s-sena l-oħra kont iddeċidejt li noħroġ għall-elezzjoni fil-lokal tiegħi, kien jgħaddi vann minn ħdejja u kif ikun viċin tiegħi jew ħdejn dari kien jibda jgħajjat ‘Joseph Muscat’ sakemm jitbiegħed minni. Jien kont inwaqqgħu għaċ-ċajt billi kont inxejjirlu. Fil-fatt dak kien każ ta’ harassment, jien kont vulnerabbli waqt li hu aġixxa għax jew ħass li jien mhux se nieħu passi kontrih jew li jekk nieħu passi, kellu min jgħinu għax ‘il-gvern tiegħu’!

L-eżempju ji jmiss huwa wieħed xokkanti. Fil-bidu tas-sena 2019 kelli nieħu l-mara l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’ambulanza. Il-mara kienet fi stat ħażin serju fuq stretcher. Kif ħriġt mill-bieb ta’ wara tal-ambulanza kien hemm żewġ koppji infila u kif mument li raw wiċċi, waħda minn nisa bdiet tgħajjat b’kemm kellha forza, “araw, kif jagħmlu użu mill-isptar imbagħad jiktbu kontra l-isptar tal-gvern”. Jien kont ktibt diversi artikli fejn argumentajt li ma kienx sew li l-uniku sptar tal-gvern kien ingħata lill-privat. Tistgħu taħsbu kif ħassejtni. Tgħid xi ħadd kien għadda informazzjoni dwar iż-żjara tagħna l-isptar? Il-mara tiegħi wara kienet staqsietni x’kien dak l-għajjat? Jien għedtilha li xi wħud minna l-Maltin ngħajtu meta nitkellmu. Il-vulnerabbiltà tiegħi u aktar u aktar tal-mara kienet ċara għal min ried jaraha. Ma stajtx nagħmel l-anqas rapport għax ma ridtx ninkwieta lill-mara li fil-fatt mietet ftit ġimgħat wara dan l-inċident.

Fil-lingwa Ingliża hemm il-kelma ’empowerment’ – is-sens ta’ impunità jagħti lil xi nies sens ta’ awtorizzazzjoni li jinsulentaw u bażikament jagħmlu li jridu għax iħossuhom protetti. Ir-raġuni ewlenija wara l-qtil ta’ ġurnalista f’Malta li kulħadd jaf isimha.

Artiklu mitub minn Salvu Felice Pace