Il-vuċi tat-tarbija mhux imwielda u l-mara traduta tidwi Pjazza Teatru Rjal

Wara s-suċċess tal-album tagħha Hawn Jien b’kanzunetti oriġinali bil-Malti, dan is-sajf Corazón se ttella’ kunċert fi Pjazza Teatru Rjal.
Corazón se tkun akkumpanjata minn grupp ta’ mużiċisti taħt it-tmexxija ta’ Dominic Galea, li flimkien se jinterpretaw dawn il-kanzunetti bil-Malti.
It-temi fil-kanzunetti tal-kantawtriċi Corazón jirriflettu r-realtajiet soċjali u l-ħsus tal-ħajja tal-lum.
Fil-kanzunetti tagħha, Corazón tagħti vuċi lill-prostituta, lil tarbija mhux imwielda u lill-mara ttraduta minn żewġha.
Fil-kunċert se jindaqqu wkoll kanzunetti popolari bħal Tal-Aħħar, Xelin u Fid-Dar tan-Nanna.
Il-kanzunetti se jieħdu tifsira aktar wiesgħa permezz ta’ filmati qosra li jakkumpanjaw il-kanzunetti.
Il-kunċert, li se jittella’ nhar is-Sibt 11 ta’ Lulju fid-9pm, se jkun ippreżentat minn Daniel Chircop li se jagħmel ukoll interventi komiċi bejn kanzunetta u oħra.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn www.ticketline.com.mt.