Il-Vuċi tagħna ż-żgħar għandha tinstema’ iktar – Greta Thunberg

Swedish climate change activist Greta Thunberg attends a session at the 50th World Economic Forum (WEF) annual meeting in Davos, Switzerland, January 21, 2020. REUTERS/Denis Balibouse

Greta Thunberg, li ispirat ġenerazzjoni ġdida ta’ attivisti biex jattendu l-Forum Dinji Ekonomiku (World Economic Forum) ġewwa Davos din is-sena, appellat lil mexxejja madwar id-dinja biex jagħtu widna lill-vuċi taż-żgħar, skont Reuters.

“Jien ma nistax nilmenta li ma ġejtx mismugħa” qalet Thunberg, kumment li nissel tbissima fuq fomm l-udjenza. Thunberg kienet qed titkellem waqt sessjoni li tindirizza futur sostenibbli għall-ġid komuni bħala parti mill-Forum Dinji Ekonomiku li jsir fuq bażi annwali.

“Ix-xjenza u l-vuċi taż-żgħar mhumiex iċ-ċentru tal-konverżazzjoni, imma hekk għandhom ikunu.” Dan kien il-messaġġ ewlieni ta’ Thunberg.

Kien hemm bosta attivisti żgħar li vvjaġġaw lejn Davos din is-sena, hekk kif segwew il-passi ta’ Thunberg.

Fost l-“eroj tal-klima” li l-Forum kien qed jiċċelebra, kien hemm ix-xjentista Irlandiża Fionn Ferreira, li fasslet soluzzjoni biex tipprevjeni l-micro plastics milli jilħqu l-oċean.

Eroj oħra hi s-Sud-Afrikana, Ayakha Melithafa, ta’ sbatax-il sena kif ukoll il-Kanadiża Autum Peltier li kienet ilha toħloq kuxjenza dwar il-konservazzjoni tal-ilma sa minn meta kellha tmien snin.

Fid-dawl ta’ dan, Thunberg emfasizzat li “għandna bżonn indaħħlu x-xjenza fid-diskussjoni”.