“Il-vuċi ta’ missieri jgħidli li jixtieq li qatt ma twelidt għadha ttambar f’rasi”

Mara li llum il-ġurnata għandha 70 sena rrakkuntat kif darba missierha kien qalilha li jixtieq li qatt ma twieldet. Qalet li l-vuċi ta’ missierha tgħid din il-frażi għadha ttambar f’moħħha sal-lum.

Il-mara hija waħda mill-persuni li matul il-perjodu tal-coronavirus fittxet l-għajnuna tal-Loneliness Response Line tal-YMCA għal dawk kollha li sabu ruħhom fis-solitudni. L-istorja tal-mara hija parti mill-inizjattiva “Homeless but Hopeful”.

Hi spjegat kif meta kienet għadha tifla kien tkun abbużata kemm fiżikament u anke verbalment minn missierha. Qalet li kien jgħajjat magħha u jsawwatha, ħafna drabi mingħajr raġuni ta’ xejn. Dan l-inkwiet fid-dar wassal sabiex hi titlaq mid-dar malli għalqet id-19-il sena. F’inqas minn sena wara, iżżewġet raġel li filwaqt li għall-ewwel ħasbet li kien bniedem tajjeb, iżda wara kumplikazzjonijiet bl-ewwel wild, hu weħħel fiha għall-kundizzjoni tal-wild tagħhom.

Spjegat li dak iż-żmien kellha twelled fid-dar tagħha u hi kienet waħda minn dawk il-persuni li għaddiet minn dan. B’hekk ma kellhiex perjodu ta’ mistrieħ jew irkupru. “Kelli noħroġ mis-sodda u nsajjarlu. Qalli li lanqas kont kapaċi noħloq wild b’saħħtu. Wara snin ta’ abbuż, tlifna lill-wild tagħna f’età żgħira. Dak kien il-perjodu li ddeċidejt li ma stajtx nibqa’ nissaporti aktar,” qalet il-mara.

Hi telqet mir-relazzjoni abbużiva u marret tgħix ma’ ħabiba tagħha sakemm saret finanzjarjament stabbli biex tibda tikri post. Spjegat li r-raġel tagħha qabel qatt ma kien iħalliha taħdem u minħabba f’hekk spiċċat ta’ 40 sena b’dinja kompletament ġdida quddiema. Spiċċat għamlet affarijiet għall-ewwel darba fl-età ta’ 40 sena, meta nisa oħrajn kienu jagħmli l-istess affarijiet meta kellhom madwar 20 sena. “Sofrejt ħafna u spiċċajt għall-kura ħafna drabi imma qatt ma temmejt it-trattament għax kont nibża’ li r-raġel kien se jweġġa’ lit-tifel,” qalet il-mara.

Kompliet tgħid kif hi qatt ma żammet kuntatt mal-familja, minkejja li verament xtaqet. Spjegat li ommha ma riditx taf biha meta ppruvat tiltaqa’ magħha u ftit tas-snin wara mietet. Missierha kien qed jgħix f’dar tal-anzjani. Meta mbagħad għalqet 50 sena, kellha relazzjoni oħra ma’ raġel ieħor li sfortunatament miet sitt snin wara li ltaqgħu. “Nimmissjah ħafna u oħtu l-unika familja li għandi,” qalet il-mara.

Issa fl-età ta’ 70 sena, il-mara ddeċidiet li tibda xi korsijiet. Qalet li minkejja l-età tħoss li għandha tibqa’ titgħallem. Minn hemm, iltaqgħet ma’ studenti oħra li bdiet toħroġ magħhom ġieli għal kafè u ġieli għal xi ikla. Iżda minħabba l-coronavirus, spiċċat reġgħet għaddiet minn perjodu ta’ solitudni kbira. Kien għalhekk li wara perjodu taħseb, iddeċidiet li ċċempel fuq il-helpline tal-YMCA.

Irrimarkat li fil-bidu ta’ meta bdiet tuża’ s-servizz, beda jgħinha biex tiftaħ qalba u titkellem dwar esperjenzi li qabel kienet tistħi jew tibża’ titkellem dwarhom. Qalet li grazzi għas-servizz tal-YMCA, qed tħossha aktar kuntenta. Sostniet li minkejja li l-passat għadu parti minnha, qed titbissem għall-futur.

Il-YMCA Loneliness Response Line beda jopera fit-23 ta’ Marzu ta’ din is-sena bħala inizjattiva b’rabta mal-coronavirus. Jekk għandek bżonn xi ħadd ma’ min titkellem, ċempel fuq 99928625 jew żur is-sit ta’ YMCA Malta. Tista’ tagħti donazzjoni ta’ €11.65 lill-għaqda permezz ta’ SMS fuq 50619212.