Il-vouchers tal-Gvern u l-wage supplement estiżi sal-aħħar ta’ Ottubru

Aġġornat 05:13 PM
Il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa tal-Kamra tal-Kummerċ
Il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ / Ritratt: Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu ħabbar li l-vouchers tal-Gvern issa jistgħu jissarrfu sal-aħħar ta’ Ottubru, filwaqt li l-għajnuna tal-Gvern permezz tal-wage supplement se tiġi estiża sal-aħħar ta’ Ottubru wkoll. Dawn kienu tnejn mill-miżuri li daħħal il-Gvern biex jiġġieled il-pandemija tal-coronavirus f’Malta.

Dr Abela ħabbar dan waqt laqgħa li kellu mal-membri tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta.  Il-midja kienet mistiedna għall-ewwel ftit minuti tal-laqgħa.

Il-Baġit 2021

Huwa qal li fil-baġit li ġej, il-Gvern se jħabbar pjan fit-tul li jinkludi aktar għajnuna lin-negozji, fosthom anke l-eventwalità ta’ reviżjonijiet tal-iskema tal-wage supplement u anke għajnuna lill-familji.

Dwar il-baġit ta’ Ottubru li ġej, il-Prim Ministru tenna li l-Gvern se jkun qed jagħti imbuttatura oħra lill-ekonomija billi mhux biss iħares lejn in-negozji u l-konsumaturi biss, iżda anke lil hinn sabiex ikun assigurat li l-ġid jasal għand kulħadd.

L-iskejjel

Il-Prim Ministru Abela tkellem ukoll fuq deċiżjoni oħra importanti li trid tittieħed, dik li jinfetħu l-iskejjel wara aktar minn sitt xhur, “liema deċiżjoni trid tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika provduta mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, li twieżen anke l-impatt negattiv fuq l-iżvilupp soċjali u edukattiv tat-tfal kemm-il darba l-iskejjel jibqgħu magħluqa”.

Il-Moneyval, il-Pulizija u l-FIAU

Dr Abela stqarr li f’dak li għandu x’jaqsam mal-Moneyval bħalissa għaddej xogħol kbir u qal li diġà kien reġistrat progress. Tenna li l-Gvern se jibqa’ kommess li jkun hemm ir-riżorsi kolha adegwati partikolarment għall-Pulizija, sabiex jiġu attirati persuni b’abilitajiet u kwalifiċi tekniċi sabiex jassistu lill-istess Pulizija f’investigazzjonijiet li jkunu qed isiru.

Il-PM silet bħala eżempju l-FIAU. fejn qal li qabel l-2013 il-baġit tal-FIAU kien ta’ madwar €500,000 u 10 persuni jaħdmu hemm. Illum il-baġit tela’ għal €10 miljun u aktar minn 100 persuna impjegata. “Il-prinċipju jibqa’ li mhux biss ikun hemm investigazzjoni ta’ atti kriminali finanzjarji u oħrajn, iżda li fl-aħħar mill-aħħar ikun hemm il-prosekuzzjoni quddiem il-Qrati,” stqarr il-Prim Ministru.

Viżjoni

Il-Prim Ministru reġa’ wiegħed l-impenn li tkun implimentata l-viżjoni li tkellem fuqha propju quddiem l-istess Kamra tal-Kummerċ, ibbażata fuq ħames prinċipji ewlenin: il-governanza, it-tkabbir ekonomiku għall-kwalità ta’ ħajja aħjar, l-edukazzjoni sabiex fit-tul issostni l-ekonomija, titjib tal-infrastruttura u li Malta ssir carbon neutral sal-2050.

X’kienet ir-reazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ?

  • Governanza Tajba: Ir-reputazzjoni ta’ Malta sofriet ħsara konsiderevoli bil-konsegwenza li xi kumpaniji kienu qed jissieltu minħabba kif negozjanti internazzjonali kienu qed iħarsu lejn Malta.
  • Ir-rapport tal-Moneyval: Ma nistgħux immorru ħażin. Offrejna l-appoġġ tagħna.
  • Gżira Sostenibbli sal-2025: Il-Perit David Xuereb innota li dan l-għan għandu jżid it-tkabbir ekonomiku waqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu.
  • Edukazzjoni: Fl-aħħar xhur il-Kamra tal-Kummerċ kienet qed taħdem mal-Gvern u msieħba oħra biex issib l-aktar soluzzjonijiet vijabbli għall-istudenti biex ikunu jistgħu jidħlu lura l-iskola.
  • Il-Wage Supplement: Il-Kamra rrakkomandat li dan is-sussidju jkun marbut ma’ ħiliet ġodda tal-ħaddiema biex jiġi assigurat li jibqgħu relevanti għall-ekonomija.

X’qed titlob l-MHRA?

F’reazzjoni, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) appellat lill-Gvern biex jagħti direzzjoni ċara dwar kif l-istabbilimenti turistiċi għndhom ikampaw sal-istaġun tas-sajf li ġej. Il-President tal-MHRA Tony Zahra insista li kull forma ta’ għajnuna mill-Gvern għandha tkun sostanzjali, minħabba li s-settur turistiku u ta’ ospitalità dalwaqt jesperjenza tnaqqis fis-seba’ xhur li ġejjin. L-MHRA qed titlob li:

  • s-sussidji fuq il-pagi jiġu estiżi sa Marzu 2021
  • jinżamm il-momentum tan-negozju b’żieda għal €800 fis-sussidju tal-pagi għall-ħaddiema tar-restoranti
  • jiġi assigurat li l-ħaddiema ġodda jkunu mill-ewwel eliġibbli għas-sussidju ta’ €800.

Kif irreaġixxiet il-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji?

Filwaqt li laqgħet l-estensjoni sa Ottubru l-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji qalet li fil-proposti tagħha għall-Baġit 2021 se tkun qed titlob li l-Wage Supplement jiġi estiż sa Marzu 2021 u biex jerġgħu jinħarġu l-vouchers, filwaqt li dawk eżistenti jiġu estiżi sa Diċembru li ġej.