‘Il-vouchers ma jistgħux jinbigħu’; il-Gvern iwissi b’azzjoni legali

Il-Ministeru għall-Ekonomija u l-entità governattiva MIMCOL qalu li l-vouchers tal-Gvern tal-€20 ma jistgħux jinbigħu. Qalu li jirriżervaw id-dritt li jieħdu azzjoni legali kontra min jikser it-termini u l-kundizzjonijiet tal-vouchers.

Fi stqarrija l-Ministeru u l-MIMCOL qalu li ġew infurmati li jista’ jkun hemm persuni li qed ipartu jew jippruvaw ipartu dawn il-vouchers biex tagħhom jieħdu flus kontanti.

Intqal li dan imur kontra t-termini u l-kundizzjonijiet ta’ din l-inizjattiva u li dan mhux permess.

“Tali mġieba titqies bħala attività illegali u l-MIMCOL u/jew il-Ministeru għall-Ekonomija, Investimenti, u Negozji Żgħar jirriżervaw id-dritt li jieħdu xi u kull tip ta’ azzjoni disponibbli għal wieħed minnhom biex jiskopru u jipprevjenu tali azzjonijiet, inkluż li tali persuni jiġu referuti lill-awtoritajiet kompetenti,” qalu l-Ministeru u l-MIMCOL.

Fakkru li wieħed jista’ jagħti l-vouchers lil ħaddieħor imbasta mhux għall-flus jew għal xi prodott jew servizz ieħor.

Is-sistema li tħaddem l-użu tal-vouchers tal-€20 li qed iqassam il-Gvern reġgħet bdiet taħdem wara li kien hemm ħsara teknika. Fuq Facebook, il-Mimcol li hija l-entità governattiva li qed topera s-sistema tal-vouchers qalet li kien hemm għadd ta’ negozji li kellhom problemi bil-web-app biex jiskenjaw il-vouchers.

X’inhuma dawn il-vouchers?

Biex jipprova jistimula aktar l-ekonomija l-Gvern ħabbar din l-inizzjattiva tal-vouchers. Kull persuna f’Malta li għandha aktar minn 16-il sena se tirċieiv ħames vouchers b’valur ta’ €20-il wieħed. Erba’ minnhom jistgħu jintefqu f’ristoranti u wieħed minnhom jista’ jintefaq f’ħanut li kellu jagħlaq waqt il-pandemija.