Il-vouchers ma ġabux nies daqskemm mistenni – ristoranti

Assoċjazzjoni tar-ristoranti qalet li l-iskema tal-vouchers ta’ €20 ma ġabitx nies daqs kemm kien mistenni.

Fi stqarrija l-assoċjazzjoni ACE qalet li madanakollu skont sondaġġ li għamlet, ir-ristoranti qalu li l-vouchers għenu l-prestazzjoni tagħhom. L-ACE ma qalitx kemm kien hemm ristoranti li mlew il-kwestjonarju tagħha.

Skont l-ACE, ir-ristoranti kienu favur li n-nies jistgħu jkomplu jpejpu fl-istabbilimenti tagħhom. Dan wara li tneħħiet ir-restrizzjoni tat-tipjip fuq barra li daħlet fis-seħħ minħabba l-pandemija.

Instab li kien hemm ammont sinifikanti ta’ ristoranti li għadhom ma jistgħux jaċċettaw il-vouchers tal-Gvern. Dan għaliex għadhom ma rċevewx l-ittra reġistrata li tatihom aċċess għas-sistema elettronika li għandhom bżonn biex jaċċettaw il-vouchers.

Il-maġġoranza tal-istabbilimenti qalu li bejn 1-25% tal-bejgħ tagħhom kien qed jiġi ġġenerat mill-vouchers.