Il-vouchers jagħmlulna differenza; aħjar jinxtara prodott lokali – bidwi

It-Tnejn li għadda l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li kull persuna ‘l fuq minn 16-il sena se tkun qed tingħata vawċer ta’ €100, li 80% minnu għandu jintefaq f’lukandi, restoranti u barijiet filwaqt li 20% jintefqu fi ħwienet tax-xagħar u sbuħija u stabbilimenti tal-ħwejjeġ.

Fuq il-midja soċjali bosta kienu li kkummentaw favur u kontra din l-inizjattiva. Bosta kienu dawk li laqgħu b’mod pożittiv din l-aħbar. Madankollu kien hemm min stqasa għala dawn il-vawċers ma jisgħux jintużaw skont il-bżonn tal-persuna. Fost dawn il-kummenti kien hemm min semma li xtaq li l-vawċers jista’ jużahom biex iħallas affarijiet li fl-opinjoni tiegħu huma aktar essenzjali.

Newsbook.com.mt tkellem mal-bidwi Charles Zahra. Huwa qal  li tagħmel differenza għall-bdiewa jekk il-Maltin jonfqu l-vouchers biex jixtru ikel mir-ristoranti li jużaw prodotti Maltin. Però, spjega li ħafna lukandi u għadd ta’ ristoranti jużaw ħaxix li jkun ġej minn barra. Semma li hemm ukoll nuqqas ta’ traċċabilità dwar minn fejn ikunu ġejjin ċertu prodotti. Appella wkoll biex l-agrikoltura lokali tingħata importanza daqs negozji oħra.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll ma’ Raymond Vella li spjega kif il-pandemija tal-coronavirus laqtet ħażin lil bdiewa. Huwa spjega li għal diversi ġimgħat il-prezzijiet tal-bejgħa kienu baxxi ħafna u kien hemm drabi fejn il-prodotti ma nbiegħux mill-pitkalija minħabba l-għeluq tar-restoranti u l-lukandi. Huwa spjega li din is-sena ngħataw prezzijiet baxxi ħafna fl-esportazzjoni tal-patata. Vella spjega li huwa pożittiv li ngħataw dawn il-vawċers sabiex jgħinu lill-ekonomija lokali imma jkun għaqli jekk ir-restoranti u l-lukandi Maltin jissaportjaw lill-bidwi Malti u jixtru prodotti lokali.