“Il-vot tal-Gvern kontra inkjesta fuq l-Electrogas insult lill-poplu Malti” – Repubblika

Electrogas
Miguela Xuereb

Read in English.

L-għaqda Repubblika qed tqis il-vot tal-Gvern kontra inkjesta pubblika fuq il-proġett tal-Electrogas bħala “insult lill-poplu Malti u daqqa ta’ ħarta lid-demokrazija.”

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, Repubblika qalet li mhix beħsiebha tistrieħ qabel toħroġ il-verità u sakemm kull persuna involuta fil-ftehim tal-Electrogas twieġeb għall-azzjonijiet tagħha.

Aktar kmieni dan ix-xahar, l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni fil-Parlament biex tinfetaħ inkjesta pubblika fuq l-Electrogas, sabiex jiġu eżaminati l-proċessi kollha marbutin ma’ dal-proġett, jiġu identifikati xi abbużi jaf kien hemm, u anke n-nies kollha involuti. Il-bord tal-inkjesta jkollu l-għan jipprovdi rakkomandazzjonijiet fuq x’għandu jsir.

Din il-mozzjoni, iżda, ma ntlaqgħetx mill-Gvern, u mill-membri parlamentari tal-Partit Laburista.

Il-ftehim kien li l-Enemalta tixtri gass LNG kull sena mingħand l-Electrogas, għall-prezz ta’ €131,600,000. Min-naħa tagħha, l-Electrogas tixtri l-gass mingħand SOCAR (State Oil Company of the Azerbaijan Republic), li tixtri l-gass mingħand il-manifattur. Dan filwaqt li Malta setgħet xtrat il-gass direttament mingħand il-manifattur.

Repubblika saħqet, “Jeħtieġ li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern jifhmu li dmirhom huwa lejn iċ-ċittadini u mhux li jiddefendu lil sħabhom il-korrotti Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dan il-vot jikxef l-ipokrezija ta’ dawk li jxerrdu d-dmugħ tal-kukkudrilli u li biex jidhru sbieħ joqogħdu jgħidu kemm iħossuhom traduti, li mhumiex parti mill-kitchen cabinet, li ma jafux x’kien għaddej jew li ma jiftakrux.”

L-għaqda insistiet li l-Prim Ministru għandu obbligu lejn in-nies u l-verità.

Ix-xhieda ta’ wieħed mid-diretturi fl-inkjesta pubblika
Ma nemminx li l-qtil ta’ Daphne kellu x’jaqsam mal-Electrogas – Apap Bologna