“Il-vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi jolqot lill-kuxjenza”

B’referenza għad-diskors tal-Prim Ministru, li l-vot ħieles jingħata lill-Membri Parlamentari f’każijiet li jolqtu lill-kuxjenza, il-Membru Parlamentari Indipendenti Marlene Farrugia qalet li l-vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi jolqot il-kuxjenza.
Waqt il-programm Ma’ Bundy Marlene Farrugia qalet li, fil-vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi, il-Membri Parlamentari se jiddeċiedu jekk hux se jkunu leali lejn Malta jew jagħtu l-appoġġ lil xi ħadd li għamel reputazzjoni negattiva ta’ Malta u tal-Gvern.
Dwar il-vot Marlene Farrugia spjegat li jekk tressaq vot ta’ sfiduċja fuq materja ma tistax terġa’ tiddiskutiha.
Spjegat li minħabba li l-informazjoni kienet għadha qed toħroġ, għażlet li l-ewwel tħalli l-informazzjoni toħroġ.
Qalet li l-mozzjoni li poġġiet fuq il-mejda tal-Parlament tgħid li l-imġieba skorreta ta’ Konrad Mizzi u l-ħsara li qed issir fir-reputazzjoni ta’ Malta u tal-Gvern mhux aċċettabbli.
“Il-lealtà tiegħi hi lejn Malta u li kull min tani l-vot jaf għaliex ivvutali”
Marlene Farrugia qalet li l-Poplu vvota għal Marlene u qiegħed jieħu lura għal dak li vvota.
Qalet li hi qed tipproteġi lin-nies mill-elementi negattivi tal-Gvern.
Saħqet li ma tħossiex skomda li hi Membru Parlamentari Indipendenti għax baqgħet tinsisti fuq punti li wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni.
“M’għandix fiduċja f’xi ħadd li fl-istess ħin li jappoġġja dawn l-affarijiet jinnegozzja f’isem Malta”
Marlene Farrugia saħqet li minħabba n-nuqqas ta’ aġir tal-Prim Ministru u n-nuqqas ta’ riżenja ta’ Konrad Mizzi, il-Gvern qed ibella’ lill-poplu normi ġodda ta’ x’inhu aċċettabli bħala aġir tal-politiċi u n-nies pubbliċi.
Tenniet li ħadd ma jista’ jisforsa lil Konrad Mizzi u Keith Schembri biex jirriżenjaw u lill-Prim Ministru biex jieħu azzjoni . Madankollu saħqet li “rridu nuruhom li dan it-tip ta’ aġir mhux aċċettabbli”.
Min-naħa tiegħu Carmel Caccopardo qal li l-Prim Ministru għandu l-obbligu li jieħu deċiżjoni.
Tenna li Prim Ministru serju li jkollu nies li semmew fl-iskandlu tal-Panama, jgħidilhom biex jitilqu.