Il-vot fuq Brexit fil-Parlament tar-Renju Unit se jittieħed f’Jannar

Il-vot fil-Parlament tar-Renju Unit fuq il-ftehim ta’ Brexit  se jsir mill-iktar fiss possibbli f’Jannar. Dan wara li l-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May ippostponiet il-vot fil-House of Commons dwar il-ftehim peress li stenniet telfa, sabiex tappella li jitwaqqaf il-ftehim fi Brussell, waqt is-Summit tal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea.

Għalkemm May appellat biex jerġa’ jiġi kkunsidrat il-ftehim ta’ Brexit waqt is-Summit, mexxejja tal-Unjoni Ewropea qalulha li issa l-każ magħluq u mhux se jerġa’ jiġi diskuss.

May marret il-Brussell għas-Summit tal-Unjoni Ewropea li tkellem dwar it-tluq tar-Renju Unit biex tagħmel appell speċjali, iżda kien hemm uffiċjali diplomatiċi li ddeskrivew dan l-appell bħala “vag”. Kien hemm rapporti li May ma kenitx ċara f’dak li pruvat tgħid.

Is-Segretarju Shadow Keir Starmer qal li May falliet biex tagħmel ebda bdil sinifikanti b’dan l-appell, u għalhekk għandu jsir vot fuq il-ftehim fil-ġimgħa li ġejja. Issa ġie kkonfermat li dan il-vot mhux se jittieħed qabel il-Milied, iżda se jsir mill-iktar fiss possibbli f’Jannar.

F’kumment ilbieraħ flagħxija, May qalet lill-mexxejja tal-UE li temmen li l-ftehim jista’ jgħaddi fil-House of Commons tar-Renju Unit.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker sostna li għandu bżonn ikun hemm klarifikazzjonijiet. Huwa inkoraġġa lir-Renju Unit biex tgħid lill-Unjoni Ewropea xi trid eżattament. Huwa sostna li s’issa dejjem staqsiet l-Unjoni Ewropea xi trid, iżda wasal il-punt fejn ir-Renju Unit trid tikklarifika xi trid.