Il-vot dwar Brexit issa għall-14 ta’ Jannar

Il-membri parlamentari Ingliżi se jivvotaw dwar il-ftehim ta’ Brexit fl-14 ta’ Jannar li ġej. Dan tħabbar mill-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May fil-Parlament Ingliż.

Dan il-vot kellu jittieħed il-ġimgħa li għaddiet, iżda twaqqaf wara li May ammettiet li ma kellhiex maġġoranza.

Meta ħabbret id-data l-ġdida, May qalet li l-UE għamlitha ċara li l-kundizzjonijiet dwar l-Irlanda mhumiex xi nassa għar-Renju Unit, u appellat lill-membri parlamentari biex jappoġġjaw il-Brexit.

Il-Kap Laburista Jeremy Corbyn qal li se jressaq vot ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru minħabba d-dewmien dwar dan il-vot.

Corbyn sostna li huwa inaċċettabbli li l-membri parlamentari se jkollhom jistennew xahar ieħor sabiex jgħidu tagħhom dwar il-ftehim li nnegozjat May mal-UE. Huwa akkużaha li wasslet lir-Renju Unit fi “kriżi nazzjonali”.