Il-Vot 16 dalwaqt għal quddiem il-Kabinett

Il-proposta biex jingħata l-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena se titressaq quddiem il-Kabinett fiż-żmien li ġej sabiex imbagħad titressaq il-Parlament.
Dan ħabbru l-Prim Ministru, Joseph Muscat, waqt sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba li ż-żgħażagħ tal-Giovanni Curmi Higher Secondary School kienu qed jagħmlulu dalgħodu.
Filwaqt li qal lill-votanti prospettivi li “se jagħmlu l-istorja” meta se jkunu qed jivvutaw għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej fl-2019, Muscat irrimarka li la tgħaddi l-liġi, l-għadd ta’ żgħażagħ li jkunu jistgħu jivvutaw f’din l-età fl-2019 ikun ta’ 8,000.
Sostna li jħoss li l-istudenti mhux se jkunu influwenzati minn x’jgħidulhom il-ġenituri meta jmorru jivvutaw, u l-aktar għax hija fin-natura ta’ żagħżugħ li jmur kontra dak li jisma’.
Il-Prim Ministru appella lill-istudenti miġbura sabiex ma jagħtux widen lil min jgħidilhom li għax qegħdin f’din l-istituzzjoni edukattiva u mhux oħra, huma għandhom xi ħaġa anqas. “L-iskejjel tagħna huma kollha tal-ewwel klassi”, temm jgħid Dr Muscat.
Il-KNŻ jilqa’ t-tħabbira tal-Vot 16
Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħżagħ laqa’ t-tħabbira ta’ Muscat dwar il-vot lil żgħażagħ ta’ 16-il sena, u rrimarka li bħala entità dejjem kien minn ta’ quddiem biex imexxi l-idea li ż-żgħażagħ ta’ din l-età jkunu jistgħu jivvutaw.
Fakkar li fil-passat, is-sezzjonijiet taż-żgħażagħ ta’ kull partit politiku ngħaqdu mal-KNŻ fil-propoganda għall-Vot 16.
Temm jgħid li l-Vot 16 għandu jiddaħħal imsieħeb mas-suġġett tal-Edukazzjoni Ċivika obbligatorja.
"Pass pożittiv għaż-żgħażagħ żgħar" – SDM
L-għaqda Studenti Demokristjani Maltin (SDM) irreaġixxiet ukoll għal din l-aħbar, u qalet li dan hu pass pożittiv 'il quddiem għaż-żgħażagħ.
L-SDM qal li bħala organizzazzjoni politika tal-istudenti jilqa' din l-aħbar, għax jemmen li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw aktar poter.