Awdjo: “Il-voluntiera ħabbew lil dawk li fil-Milied ma ħabbhom ħadd”

“Il-voluntiera li ġew jgħinu ħabbew lil dawk in-nies li f’Jum il-Milied ma kien qed iħobbhom ħadd”.
Dawn kienu l-ewwel kelmiet li Andrè Bonello mill-Caritas ta lil Newsbook.com.mt meta staqsejnieh dwar kif marret l-ikla tal-Milied li l-Caritas organizzat għat-tielet darba konsekuttiva.
Bonello, li jmexxi l-Komunità tal-Outreach, qal li kien hemm 120 voluntier li f’dal-jum iddeċidew li jqattgħuh ma’ familja differenti, il-familja tal-Caritas u dik ta’ ftit aktar minn 400 persuna li dal-jum kienu se jqattgħuh waħedhom.
Fakkar li n-nies li qed ikunu fis-solitudni f’Malta qed kulma jmur jiżdied, u s-sitwazzjoni tiggrava ftit meta, skont Bonello, persuni fis-solitudni jispiċċaw jintesew mill-oħrajn, kultant anki minn familthom stess.
Waqt l-ikla, il-grupp ta’ priġunieri li qed isegwu programm ta’ rijabilitazzjoni fil-Prison Inmates Programme f’Baħar iċ-Ċagħak ġew biex jgħinu fil-kċina, għalhekk bdew minn diġà jagħtu lura lill-komunità fi żmien tant delikat għalihom.
Newsbook.com.mt dakinhar tal-ikla tkellem ma’ Anthony Gatt, Koordinatur tal-programmi tal-Caritas għar-rijabilitazzjoni mid-droga, li rrimarka li dawn l-irġiel flok iffukaw fuqhom, għall-Milied mexxew l-enerġija tagħhom għal fuq nies oħra fil-bżonn.
Fakkar ukoll li għal uħud minn dawn il-proġunieri, dan kien l-ewwel Milied li ċċelebraw.
Dakinhar tal-ikla, Newsbook.com.mt tkellem ma’ voluntiera dwar l-esperjenza tagħhom, u biosta esprimew il-ħeġġa li jibdew jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-Caritas tul is-sena fl-attivitajiet li tagħmel.
Finalment, Andrè Bonello temm jirringrazzja lill-voluntiera kollha li għenu biex saret l-ikla.
Fl-ewwel ritratt: voluntiera jistennew lin-nies fl-intrata b'tazza ċikkulata sħuna, kefè jew te.
Fit-tieni ritratt: Andrè Bonello jidderieġi lil uħud mill-voluntiera qabel bdiet l-ikla