Il-volontarjat: Donazzjoni ta’ valur imprezzabbli

Matul ix-xahar ta’ Diċembru, ħafna jħossuhom fid-dmir li jdaħħlu idhom fil-but u jagħtu xi donazzjoni. Din is-sena, minn popolazzjoni ta’ inqas min-nofs miljun, f’xahar inġabru kważi €6 miljun waqt diversi maratoni.
Għandna biex inkunu kburin, u għandhom raġun il-mexxejja tal-pajjiż ifaħħru lill-poplu għall-ġenerożità tiegħu, għax kif jgħidu “bla flus la tgħannaq u lanqas tbus.”
Matul l-aħħar sena, il-Fondazzjoni Strickland xtaqet li fix-xogħol tiegħi ma’ Newsbook.com.mt niffoka fuq il-ħidma tal-għaqdiet volontarji. Ħdimt, u tkellimt ma’ diversi għaqdiet u kważi kollha kemm huma jilmentaw li mhux isibu biżżejjed voluntiera.
Fil-maratoni prinċipali, qed nirreferi għall-Istrina u anke dik b’risq id-Dar tal-Providenza, saru appelli kbar biex jinġabru l-flus. Imma ftit saru, biex ma ngħidx ma sarux, appelli biex aktar nies jinvolvu ruħhom f’dawn l-għaqdiet bħala voluntiera.
Għalhekk il-mistoqsija toħroġ waħedha: Biżżejjed li darba fis-sena nagħtu donazzjoni għall-karità?
Statistika dwar il-volontarjat fl-2014
Minn stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, ippublikat fil-bidu ta’ Diċembru li għadda, 31,000 persuna, minn 12-il sena ‘l fuq, jagħmlu xi forma ta’ volontarjat. Veru li dan ifisser madwar 10% tal-popolazzjoni u m’aħniex ‘il bogħod ħdejn pajjiżi oħra, imma b’daqshekk nistgħu nserrħu rasna?
Wisq nibża’ li hawn mentalità, speċjalment fost iż-żgħażagħ, li l-volontarjat huwa xi ħaġa “għan-nies tal-Knisja.” Veru li fi ħdan l-Arċidjoċesi jeżistu numru ta’ għaqdiet volontarji iżda hawn mijiet ta’ NGOs u għaqdiet oħra. Il-volontarjat lanqas mhu biss ħidma ma’ persuni bi bżonnijiet speċjali iżda jiġbor fih għaqdiet sportivi, soċjali, kulturali u anke politiċi.
Eżempju ċkejken kien meta żort il-membri mill-klabb tar-Regatta ta’ Bormla. Kien hemm għadd sabiħ ta’ żgħażagħ jaħdmu fuq il-fregajtini, u jieħdu taħriġ ieħor biex jipprattikaw l-isports u fl-istess ħin  iżommu ħajja tradizzjoni antika.
Skont l-istħarriġ tal-NSO, il-maġġoranza ta’ dawk involuti f’volontarjat formali f’Malta għandhom bejn il-25 u l-49 sena, filwaqt li dawk ta’ bejn il-50 u l-64 sena huma aktar involuti f’volontarjat informali.
Il-volontarjat fost iż-żgħażagħ
Allura dawk li l-aktar għandhom enerġija, u sens ta’ avventura x’qed jagħmlu? Jekk irridu naqbdu l-problema minn rasha, żgur li rridu nibdew billi ndaħħlu mentalità favur il-volontarjat. Jien żagħżugħ u kemm ilni nistudja rari ġie xi ħadd ikellimna fuq il-vantaġġi tal-volontarjat. Biżżejjed tħares lejn l-għadd ta’ studenti universitarji, involuti f’organizzazzjonijiet tal-istudenti.
Fis-sistema edukattiva hemm bżonn titqajjem aktar kuxjenza dwar il-volontarjat. Tgħiduli qed titkellem b’mod astratt, imma fl-aħħar mill-aħħar minn xi mkien trid tibda.
Il-Forum taż-Żgħażagħ Ewropej jiddefinixxi attività bħala volontarjat meta din tkun “imwettqa minn persuna bil-volontà tagħha u tinvolvi impenn ta’ ħin u enerġija għall-azzjonijiet li jibbenefikaw lil ħaddieħor u lis-soċjetà kollha kemm hi.”
Mela rridu nibdew mill-fatt li l-volontarjat m’għandu qatt ikun impost. Mill-esperjenza u minn dak li nisma’, ħafna żgħażagħ tas-sixth form jikkritikaw is-suġġett tas-Systems of Knowledge. Mhux biss għax huwa l-uniku suġġett obligatorju, imma għax fit-tieni sena, l-istudenti jiġu mħeġġa jagħmlu xi volontarjat bħala proġett għall-marka tal-eżami. Imma x’inhu l-iskop u x’qed jieħdu minnu? Għaż-żgħażagħ dan qed jidher bħala xogħol tal-iskola, għax iridu jiġbru l-firem, jiktbu rapporti, esejs u fl-aħħar mill-aħħar jitħallsu bil-marka.
Għalhekk lanqas ma nemmen f’sentenzi mill-Qorti li jimponu li akkużat jagħmel xogħol fil-komunità. Il-volontarjat mhux kastig imma għażla pożittiva. Li hemm bżonn mhux impożizzjoni, imma kuxjenza.
X’qed isir mill-awtoritajiet?
Proposta pożittiva, imma li ftit smajna dwarha, hija dik imressqa fil-Baġit tal-2012 fejn il-Gvern alloka stipendju “għaż-żgħażagħ li jkollhom sa 25 senajew li sa tliet snin wara li jiggradwaw mill-istituzzjonijiet taedukazzjoni terzjarja tagħnajgħaddu sena jaħdmu b'mod volontarju barra l-pajjiż.”
Filwaqt li hija skema tajba u li tinkoraġġixxi żgħażagħ joħorġu f’dinja oħra ‘il barra minn dik edukattiva, ma rridux nieqfu biss fuq hekk. Nibża’, li aħna ż-żgħażagħ drajna b’sistema edukattiva li tfissidna. Fil-primarja u s-sekondarja tingħata ħafna informazzjoni, tidħol sixth form u l-Università u tingħata stipendju, xi trid aktar la nħossuna komdi?
Allura li jeħtieġ isir huwa li ż-żgħażagħ jifhmu wieħed x’kapaċi jiġbor mill-volontarjat. Progress sar, biss biss ftit ġimgħat ilu, fil-Belt Valletta infetħet NGO Hub, l-ewwel waħda minn tlieta, bil-għan li tintuża mill-Organizzazzjonijiet Volontarji biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom flimkien u jippromwovu l-volontarjat fost iż-żgħażagħ.
Barra minn hekk il-Gvern alloka fondi lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat biex joffri liż-żgħażagħ opportunità li jiskopru l-valur tal-volontarjat u “biex jikber is-sens ta’ komunità u ċittadinanza attiva.”
L-anzjani u s-sehem tagħhom
Semmejna s-sens ta’ komunità. Aspett pożittiv tal-volontarjat huwa li jġiegħlek tħossok parti minn xi ħaġa akbar. Illum drajna f’soċjetà individwalista, fejn il-ħajja tant saret mgħaġġla li sirna qisna magħluqa f’bozza li Allaħares xi ħadd imissha. Il-volontarjat jgħinek toħroġ minn din il-bozza u ssib sens fis-soċjetà. Għalhekk il-volontarjat kapaċi joħloq soċjetà aktar b’saħħitha.
Meta tkellimt mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, il-Professur Kenneth Wain, saħaq li fuq livell nazzjonali għadna lura fl-għadd ta’ anzjani involuti fid-dinja tal-volontarjat, kif ħareġ ukoll mill-istħarriġ tal-NSO. Illum nitkellmu fuq anzjanità attiva, saħansitra għandna Segretarjat Parlamentari responsabbli minnu u li jħeġġeġ lill-anzjani ma jibqgħux magħluqa d-dar jieħdu ħsieb in-neputijiet, imma jattendu day centres, jistudjaw u jattendu korsijet fil-Kunsill Lokali. Iżda għaliex ma nisimgħux ukoll dwar volontarjat mill-anzjani.
Hemm bżonn aktar promozzjoni biex l-anzjani jħossu li huma riżorsa u mhux sempliċiment irtirat mix-xogħol. Hawn mentalità – “li issa ħdimt biżżejjed, issa jaħdmu għalija,” – imma anzjan li qed jagħmel xi ħaġa tal-għażla tiegħu, issa li spiċċa mix-xogħol li kien jagħmlu “bilfors,” ikun qed jagħti skop ġdid lil ħajtu.
Għall-volontarjat mhemmx età u kulħadd kapaċi jsib dak il-ftit ħin li fih jinqata’ mir-rutina, u qed jagħmel xi ħaġa bl-għażla tiegħu u li għalhekk tkun għal qalbu.
Konklużjoni
Nemmen li l-għaqdiet volontarji huma minjiera tad-deheb għall-aspett ekonomiku, soċjali, kulturali u għad-demokrazija tal-pajjiż. Kieku ma jeżistux dawn l-għaqdiet, irid ikun l-istat li jipprovdi għalihom. Mingħajr kultura mhemmx identità. Mingħajr parteċipazzjoni fl-għaqdiet u l-partiti politiċi d-demokrazija tispiċċa. Għalhekk naqbel mal-kummenti tal-Professur Kenneth Wain li “jeħtieġ aktar professjonisti fl-għaqdiet volontarji” biex dawn ikunu aktar b’saħħithom.
Nittama li l-Gvern u l-awtoritajiet jifhmu l-importanza tal-volontarjat għal soċjetà b’saħħitha biex anki l-poplu, filwaqt li jibqa’ jagħti għajnuna finanzjarja, jagħraf li l-volontarjat huwa donazzjoni ta’ valur imprezzabbli.

Ritratt: Grupp ta' voluntiera waqt l-ewwel attività tal-Fondazzjoni Karl Vella li tagħti għajnuna psikoloġika u edukazzjoni lil tfal li għandhom problemi ta' saħħa fil-familja.