Il-volleyball bħala mezz biex jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali u tas-saħħa

Ftehim li se jsaħħaħ il-volleyball f’Malta.

Ritratt: Jason Borg / DOI

Is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat iffirma ftehim mal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Volleyball (CEV) u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball sabiex il-programm Ewropew Play Volleyball, Grow with it, jibda jsir f’Malta.

Il-programmPlay Volleyball, Grow with it huwa mmirat lejn tfal ta’ bejn is-6 u l-14-il sena u l-kunċett ewlieni tiegħu huwa li jgħaqqad lin-nies permezz tal-volleyball, jiffavorixxi l-iskambju ta’ valuri sportivi, jġib il-volleyball eqreb lejn il-komunitajiet u jagħti ċans lil kulħadd li jippratikah mingħajr il-bżonn regoli stretti.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima qal li l-intenzjoni ta’ dan il-programm hija li l-isport tal-volleyball jintuża bħala mezz biex jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjali u tas-saħħa, jintroduċi numru ta’ tfal lejn il-volleyball, jagħtihom opportunità li jipprattikaw dan l-isport bħala stil ta’ ħajja u jinkoraġġixxi l-ispirtu tat-tim u l-fair play.

“L-elementi interni tal-programm jagħmlu l-volleyball bħala sport adattat biex jipprovdi liż-żgħażagħ b’firxa ta’ fatturi edukattivi, tas-saħħa, ta’ rikreazzjoni u soċjali. Li tkun parti minn dan il-proġett se tippermetti lit-tfal kollha biex jibbenefikaw mill-logħob tal-volleyball billi jakkwistaw ħiliet soċjali aħjar u jgħinhom jikbru f’ambjent aħjar u b’saħħtu”, saħaq is-Segretarju Parlamentari Grima.

Il-President tal-Konfederazzjoni Ewropea tal-Volleyball Aleksandar Boricic filwaqt li rringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball qal li CEV għandha l-għan li titntroduċi dan il-programm madwar l-Ewropa kollha sabiex ikompli jikber l-isport tal-volleyball u tinbena soċjetà aħjar.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball Edward Gatt saħaq li permezz ta’ dan il-ftehim, l-assoċjazzjoni se jkollha għodda li se jingħataw fl-iskejjel biex it-tfal jistgħu jilagħbu l-logħba tal-volleyball bit-tama li dan l-isport isir iktar popolari u jkompli jikber.

Permezz ta’ dan il-ftehim, Malta se jkollha aċċess għall-pjattaforma tal-e-learning ta’ CEV u wkoll se tibbenefika minn għotja ta’ apparat tal-volleyball. Dan il-proġett għandu importanza soċjali u jindirizza mhux biss il-familja tal-volleyball permezz tal-Federazzjonijiet Nazzjonali, iżda wkoll l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Bejn l-2019 u l-2020 ipparteċipaw ‘il fuq minn 12,400 tifel u tifla, 820 għalliem/a, 660 voluntier, 462 kowċ, 365 skejjel primarji u 124 klabbs tal-volleyball madwar l-Ewropa.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.