Il-vokazzjoni tal-klawsura hi fundamentali għall-Knisja

Waħda mill-aħħar laqgħat tiegħu fil-Perù, Papa Franġisku ddedikaha għal madwar 500 soru tal-klawsura u dawk f’ħajja kontemplattiva, u qalilhom li t-talb tagħhom b’interċessjoni għal dawk fil-bżonn u li huma għaddejjin minn xi forma ta’ tbatija għandu jkun it-timbru tal-vokazzjoni tagħhom.
Il-Papa beda biex qalilhom kemm kien kuntent li kien jinsab fis-Santwarju ta’ Alla tal-Mirakli li jżuruh ħafna Peruvjani biex jitolbuh il-grazzji u jurina l-viċinanza u l-ħniena tiegħu. “Hu d-dawl li jmexxina u jilluminana bl-imħabba divina tiegħu”.
Meta rajtkom ilkoll miġbura hawn ħadt l-impressjoni li ħadtu l-okkażjoni minn din iż-żjara tiegħi biex toħorġu mill-kunvent u tieħdu ftit arja friska. Nirringrazzjakom ilkoll li mis-silenzju tal-kunventi tagħkom, dejjem timxu miegħi.
Kif qalilna San Pawl, aħna rċivejna l-ispirtu tal-adozzjani li jagħmilna wlied Alla. Dan il-kliem jiġbor fih ir-rikkezza ta’ kull vokazzjoni Kristjana: il-ferħ li nafu li aħna ulied Alla. Din hi l-esperjenza li ssostni ħajjitna u hi tweġiba sabiħa għall-imħabba t’Alla.
Importanti li dan il-ferħ inġedduh kuljum.
Il-Papa qal lil dawn is-sorijiet li huma għandhom triq privileġġjata biex iġeddu dan it-twemmin u din hi l-ħajja tat-talb fil-komunità u individwali. Din hi l-qalba tal-ħajja kontemplattiva u l-mezz biex jikkultivaw l-esperjenza tagħhom ta’ mħabba li ssostni l-fidi.
Il-missjoni tat-talb tgħaqqadna ma ħutna hi x’inhi s-sitwazzjoni li jinsabu fiha u nitolbu biex qatt ma jonqsuhom l-imħabba u t-tama. 
Santa Tereża tal-Bambin Ġesù qalet: “Jien fhimt li hi l-imħabba biss li tmexxi lill-membri tal-Knisja biex jaġixxu u jekk ma jkunx hemm l-imħabba la l-Appostli ma kienu jipproklamaw il-Vanġelu u l-martri anqas ma kienu jxerrdu demmhom. Jien għaraft u ċerta li l-imħabba tiġbor fiha l-vokazzjonijiet kollha, l-imħabba hi kollox u tiġbor fiha kollox. F’kelma waħda l-imħabba hi eterna… fil-qalba tal-Knisja li hi ommi, jien inkun imħabba”.
Li tkun imħabba jfisser li tkun kapaċi tieqaf mas-sofferenzi ta’ tant minn ħutna u tgħid mas-salmista: “Fil-hemm tiegħi sejjaħt lil Alla; Alla weġibni u ħelisni”.
Papa Franġisku żied jgħid li b’dan il-mod il-ħajja tal-klawsura jista’ jkollha missjoni universali u twettaq rwol fundamentali fil-ħajja tal-Knisja. “Intom titolbu u tinterċedu għal ħafna minn ħutna li huma fil-ħabsijiet, għall-emigranti, għar-refujati u għall-vittmi tal-persekuzzjonijiet, fost l-oħrajn.
It-talb ta’ interċessjoni tagħkom jilħqu lil ħafna familji li għaddejjin minn diffikultajiet, lil dawk bla xogħol, lill-fqar, lill-morda, lil dawk li qed jiġġieldu xi vizzju li ħakimhom.
“Intom bħal dawk li ressqu lir-raġel paralitiku quddiem Kristu biex ifejjqu. Bit-talb tagħkom, lejl u nhar, intom tressqu quddiem Alla il-ħajja ta’ tant persuni li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jersqu lejh biex ikollhom il-ħniena tal-fejqan, avolja hu bil-paċenzja kollha jibqa’ jistenniehom. Bit-talb tagħkom tistgħu tfejjqu l-feriti ta’ ħafna kompla jinkoraġġihom il-Papa.
Għal din ir-raġuni nistgħu ngħidu li l-ħajja fil-klawsura la tagħlaq u anqas tnixxfilna qalbna, anzi tiftaħ qlubna fir-relazzjoni tagħna m’Alla u tagħmilhom kapaċi jħossu l-weġgħat, it-tbatija, il-frustrazzjoni u l-isfortuni ta’ tant persuni li huma vittmi tal-“Kultura tar-Rimi” li daħlet illum.
L-interċessjoni għal dawk fil-bżonn għandha tkun it-timbru tat-talb tagħkom. U meta jkun possibbli, għinuhom mhux biss bit-talb imma anke b’ħidma u azzjonijiet konkreti.
Is-suppliki li jsiru f’dawn il-monasteri tal-klawsura u ħajja kontemplattiva huma sintonizzati mal-Qalb ta’ Ġesu’ li jitlob lill-Missier biex ‘aħna nkunu ħaġa waħda biex id-dinja temmen’.
U kemm għandna bżonn ta’ għaqda fil-Knisja! Issa u dejjem!
Magħquda fil-fidi. Magħquda bit-tama. Magħquda bl-imħabba. F’din l-għaqda li tissaħħaħ bir-rabta tagħna ma’ Kristu, li jgħaqqadna mal-Missier u mal-ispitu, u fl-ewkaristija, ningħaqdu flimkien f’dak il-misteru kbir li hi l-Knisja. Nitlobkom, biex titolbu kontinwament u b’ħerġa għall-għaqda tal-Knisja f’dan il-pajjiż maħbub tal-Perù, appella l-Papa lis-sorijiet.
Stinkaw biex tikbru fil-ħajja fraterna, biex kull monasteru jkun raġġ ta’ dawl qalb il-firda u n-nuqqas ta’ għaqda. Kienu xiehda profetika li din l-għaqda hi possibbli. J’alla kulmin jersaq lejkom iduq mill-karità fraterna tagħkom li hi tant meħtieġa għall-ħajja konsagrata, fid-dinja tal-lum u fil-komunitajiet tagħna.
“Meta ngħixu l-vokazzjoni tagħna b’fedeltà, ħajjitna ssir proklamazzjoni tal-imħabba t’Alla. Nitlobkom biex ma tieqfu qatt tagħtu din ix-xhieda”. Hawnhekk il-Papa reġa’ kkwota l-kliem ta’ Santa Tereża: “Jekk titlef il-gwida, li hu Alla, il-vjaġġ ma tagħmlux sew… Għax Alla stess jgħid li Hu t-triq, id-dawl u ħadd ma jista’ jasal għand il-Missier jekk mhux pemezz tiegħu”.
“Għeżież sorijiet, il-Knisja għandha bżonnkom. Kunu d-dawl tal-fedelta u ibqgħu uruna lil dak li hu t-triq, il-verità u l-ħajja, lejn l-uniku Alla li jagħtina ħajja bl-abbundanza.
Itolbu għall-Knisja, għas-saċerdoti u l-Isqfijiet, għall-persuni kkonsagrati nisa u rġiel, għall-familji, għal dawk li qed isofru, għal dawk li jagħmlu ħsara lill-oħrajn, għal dawk li jesplojtaw lil ħuthom.
U tinsewx jekk jogħġobkom, itolbu għalija”, temm jitlob il-Papa Franġisku lil dawn is-sorijiet.